Dalli għandha tikkundanna lil Mizzi u Schembri – Casa

L-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa sostna li mhux bilfors se jkunu qed jappoġġjaw in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju għall-Ugwaljanza.

Casa saħaq li huma qed jistennew li fil-Parlamenta Ewropew meta tiġi quddiem l-Ewroparlamentari, Helena Dalli se tkun qed tikkundanna l-aġir tal-Gvern fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi huwa l-unika Ministru fl-Ewropa li nqabad b’kumpanija fil-Panama u ma rriżenjax wara li din ħarġet fil-beraħ. Schembri ukoll inqabad bi struttura simili fil-Panama.

F’kitba fuq Facebook, Casa saħaq li ma jistax ikun li Dalli tkompli tinjora l-inugwaljanza f’Malta fil-mod li bih jiġu trattati ċ-ċittadini normali. Casa sostna li Dalli ma tistax tibqa’ tipproteġi lil sħabha.

Casa sostna li huwa ntuli minn naħa tal-Gvern jgħid li se jindirizza n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jżomm lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri mingħajr ma jkun hemm proċeduri fil-konfront tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista kien qal li se jappoġġja n-nomina ta’ Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropew.

Fl-aħħar jiem ġie ppubblikat ir-rapport tal-entità tal-Kunsill tal-Ewropa Moneyval li ta sena ċans biex Malta tindirizza n-nuqqasijiet li nstabu mingħajr ma tirriskja li tiġi blacklisted.