Dalli tgħaddi mill-grilling tal-MEPs b’2/3

Tgħaddi għall-pass li jmiss

EP

Il-Kummissarju Ewropew Nominata Helena Dalli għaddiet b’vot ta’ żewġ terzi wara l-iskrutinju li sarilha quddiem l-MEPs fi Brussell, skont kelliema għall-Kummissjoni.

Illum waranofsinhar Dalli kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-MEPs bħala parti mill-iskrutinju qabel ma tokkupa l-kariga ġdida tagħha bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.

Kelliema għall-EPP qalet li l-ittra tal-evalwazzjoni ta’ Dalli se tinkludi kummenti dwar in-nuqqas ta’ dettal f’ċertu tweġibiet tagħha.

Fi Brussell Dalli affaċċjat mistoqsijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar l-iskandlu tal-Panama Papers, dwar persuni b’diżabilità, u dwar l-ugwaljanza fost oħrajn.

Filmat: “Kont niddeċiedi differenti” – Dalli dwar il-Panama Papers

X’se jiġri issa?

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati, il-Konferenza tal-Presidenti se tiddeċiedi fis-17 ta’ Ottubru jekk il-Parlament ikunx irċieva biżżejjed informazzjoni biex jiddikjara l-proċess tas-smigħ lest. Jekk dan ikun il-każ, il-plenarja, fit-23 ta’ Ottubru fi Strasburgu, tkun tista’ tivvota dwar jekk tapprovax jew le l-Kummissjoni kollha.

“Ippreżentat viżjoni b’saħħitha għall-ugwaljanza” – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista feraħ lil Dalli “għall-mod kif ippreżentat il-viżjoni tagħha għall-ugwaljanza quddiem il-membri tal-Parlament Ewropew.”

“Il-poplu Malti kollu għandu tassew ikun kburi li Helena Dalli ngħatat din ir-responsabbiltà importanti fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Illum Dalli uriet b’mod ċar li tista’ terfa’ bl-aħjar mod il-piż ta’ din il-kariga biex itejjeb il-ħajja taċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea mingħajr ebda distinzjoni.”

“Għal Helena Dalli u l-Partit Laburista l-ugwaljanza hija prinċipju fundamentali u dan deher mill-konvinzjoni fit-tweġibiet li ngħataw fil-Parlament Ewropew fuq it-temi diversi li kienu ippreżentati lilha. Is-smigħ tal-lum kien konferma oħra ta’ kemm kienet għaqlija l-għażla ta’ Helena Dalli għal dan l-irwol.”

X’qed iżomm lil Joseph Muscat milli jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi– PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-iskandu tal-Panama Papers u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista qed iħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

“Dan kompla llum hekk kif membri tal-Parlament Ewropew ikkundannaw il-Gvern Malti għan-nuqqas ta’ azzjoni waqt is-smigħ tal-Kummissarju Helena Dalli.”

“Il-kundanna għall-mod kif Joseph Muscat m’għamel xejn fid-dawl ta’ skandlu daqshekk kbir ġab kundanna waħda wara l-oħra. Issa eks-Ministru tal-Kabinett tiegħu stess, Helena Dalli qed twissi lil Jospeh Muscat li hi kienet tagħmel l-affarijiet ferm differenti. Għalhek il-mistoqsija issa hi x’qed iżomm lil Joseph Muscat milli jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi?”

“Uriet il-kompetenza tagħha fil-kamp tal-ugwaljanza”

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis feraħ lil Dalli. Qali li wriet il-kompetenza tagħha fil-kamp tal-ugwaljanza li kienet qed tmexxi f’Malta mis-sena 2013 ’il quddiem. Zammit Lewis qal li jħares ’il quddiem sabiex jaħdem magħha bħala Kummissarju Ewropew fil-kamp tal-ugwaljanza.

Reazzjonijiet fil-midja soċjali