“Dalgħodu ċempilt lil Prospero Grech; konna se niltaqgħu għada”

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus dalgħodu stess kellem lill-Kardinal Malti Prospero Grech, li miet illum.

Ma’ Newsbook.com.mt Callus irrakkonta kif dalgħodu ċempillu għall-ħabta tal-11am wara li ngħata l-kuntatt tiegħu mill-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede Frank Zammit.

“Xħin qabadni, qalli b’dak il-leħen irqiq tiegħu biex niltaqgħu għada, u għedtlu aħjar kmieni għax fis-2pm kont se nieħu sehem fil-maratona ta’ Ruma. Qalli aħjar ma nitlifhiex u qbilna li niltaqgħu għada fid-9.30am fil-Kunvent ta’ Santa Monika, fi Triq Pawlu VI maġenb il-kolonnat tal-Vatikan”, kompla jgħid Callus.

L-MP qal li l-Kardinal Grech staqsieh ma’ min kien qiegħed Ruma, u qallu li kien mal-mara u t-tifla, u koppja oħra. Dlonk, il-kardinal qallu biex ma jmurx waħdu u jeħodhom miegħu.

“Iddispjaċini ħafna meta smajt bl-aħbar tal-mewt tiegħu. Kelli xewqa niltaqa’ miegħu partikolarment għax kont nisma’ b’xi ċajt li kien jagħmel, u għax kont kburi bih bħala l-uniku Kardinal Malti li għex fi żmienna”, temm jgħid Callus.