Read in English.
Il-Ministru Evarist Bartolo kompla bil-messaġġi mmirati għal politika aħjar mill-Gvern Laburista, li huwa jifforma parti minnu.
Fil-messaġġ tal-lum fuq Facebook, Bartolo jipproponi finanzjament trasparenti għall-politiċi u l-partiti biex fi kliemu “innaddfu l-politika minn suq ta’ bejgħ u xiri. Spjega li dan biex id-dċeiżjonijiet jittieħdu għall-ġid taċ-ċittadini u mhux fl-interess ta’ min jiflaħ iħallas u jinfluwenza l-iktar.
Huwa ddedika dan il-messaġġ għat-tfal li jitwieldu u jitrabbew f’Malta li qal li għandhom ikunu kburin. Saħaq li huwa dmir tal-politiċi biex f’Malta jkun hawn moralità pubblika b’saħħitha. Stqarr li l-politiċi għandhom jgħixu u jħaddmu l-politika b’mod li juru bil-fatti li qed jaħdmu għal ġid komuni u mhux għall-interessi personali.
Appell għal sistema aħjar ta’ separazzjoni ta’ poteri li jkunu indipendenti minn xulxin.
Bartolo stqarr li fl-aħħar mill-aħħar huma l-bnedmin li jmexxu l-istituzzjonijiet u l-poteri. Fisser li dawn jaħdmu tajjeb skont jekk il-bnedmin ikunux immexxija mill-valuri ta’ onestà, ġustizzja u impenn għall-ġid komuni.