“Dal-poplu nesa kif iħobb” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, sostna li Alla għandu ħolma għall-bniedem, u din hi l-ħolma ta’ ċiviltà li tħobb. Iżda l-poplu qed jinsa kif iħobb, jew ma jridx iħobb.
Mons Grech kien qed iwassal l-omelija fir-Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista x-Xewkija, fl-okkażjoni tal-Pellegrinaġġ b’Ġesù Redentur.
Huwa kompla billi qal li bħal kif aħna stajna neżistu bis-saħħa tal-imħabba ta’ ħaddieħor, hekk aħna għandna nkomplu din l-imħabba lejn ħaddieħor, sabiex ħaddieħor ikun jista’ jeżisti bħalna.
L-Isqof ħa spunt mill-fatt li Alla nkorla ma’ Mosè għax il-poplu li ħareġ mill-Eġittu tah dahru, sabiex iwassal il-messaġġ li bniedem mingħajr imħabba kapaċi jinkorla wkoll.
Mons Grech temm l-omelija billi ġab did-darba eżempju b’Ġesù. Aċċenna għall-fatt li Alla bagħat lil Ġesù għax hu ma qatax qalbu mill-bniedem. Qal li Alla għandu ħolma dwarna, il-ħolma li aħna nħobbu lil xulxin, u mhux se jaqta’ qalbu minna.