“Dak li taħsbu impossibbli jista’ jsir realtà” – Mara Venier

Mara Venier se tiftaħ il-bieb tal-ħolm. Ritratt: Uffiċju Stampa RAI

Mil-lejla Mara Venier se tkun qed tagħti bidu għal spettaklu ġdid li se nkunu nistgħu nsegwu għal erba’ ġimgħat konsekuttivi.

Se jkunu qed jitwasslu stejjer mimlija emozzjonijiet ta’ nies li forsi qatt ma ħasbu li l-ħolm tagħhom jistgħu jsiru realtà.

Iżda permezz tal-programm il-ġdid tagħha La Porta dei Sogni, Mara Venier se tkun qed tiftaħ il-bibien tal-ħolm ta’ wħud mit-telespettaturi.

“Ilkoll għandna l-ħolm tagħna, li jvarjaw minn ħolm żgħir, ħolm kbir, ħolm kurjuż jew ħolm kuraġġjuż iżda min se jiftaħ dan il-bieb se jkun qiegħed jgħix il-ħolm tiegħu,” ikkummentat il-preżentatriċi li f’din l-iskeda qed narawha wkoll tippreżenta l-programm Domenica In.

Matul din is-sensiela Venier se tkun qed tintervista bosta persuni, iżda mhux personalitajiet magħrufa bħal ma tagħmel is-soltu. Mil-lejla hi se tkun qed tiltaqa’ ma’ persuni komuni, se titkellem magħhom, se tisma’ l-istorja tagħhom u se tiftħilhom il-bieb li jwassalhom biex iwettqu l-ħolm tagħhom.

L-emozzjonijiet mhux se jonqsu, iżda bla dubju se nkunu qed naraw ukoll xi mistiedna partikolari, u dawk fl-ewwel programm huma Arisa, Antonino Cannavacciuolo u Andrea Bocelli.

“Dak li taħsbu impossibbli jista’ jsir realtà” temmet tgħid Mara Venier hekk kif issa jonqos ftit siegħat qabel ma jitla’ s-siparju fuq l-ewwel programm.

La Porta dei Sogni jixxandar illejla mid-9.25pm fuq Rai Uno.