“Dak li sibna hu allarmanti” – MPE

Il-Membru Parlamentari Ewropew Olandiża Sophie in 't Veld, li tifforma parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-Slovakkja li saret il-ġimgħa li għaddiet qalet li s-sejbiet li se jiġu diskussi fis Strasburgu din il-ġimgħa huma allarmanti.
Fuq Facebook hija qalet li għalkemm il-liġijiet fis-Slovakkja huma b’saħħithom u s-soċjetà ċivili hija attiva, hija qalet li jidher li fl-istess ħin hemm realtà ta’ korruzzjoni u frodi.
Id-delegazzjoni temmet il-ħidma tagħha u mistennija tippreżenta r-rapport finali waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu nhar l-Erbgħa li ġej.
Ħtieġa ta’ protezzjoni akbar għall-ġurnalisti – MPE Soċjalist
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet qabel it-tluq tagħhom mill-pajjiż, l-Ewroparlamentari mis-sitt gruppi politiċi differenti tal-Parlament Ewropew qalu li jidher ċar li fil-pajjiż hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Mistoqsi dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Ewroparlamentari Soċjalist Claude Moraes qal li bħalissa qed issir analiżi ta’ x’jista jinbidel mill-leġislazzjoni Ewropea biex il-protezzjoni tal-ġurnalisti tissaħħaħ.
Qal ukoll li l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti jridu jiġu assigurati fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.