Dak li seħħ fl-Olokawst għadu jista’ jiġri llum – George Vella

Il-Parlament Malti, b’minuta silenzju, fakkar is-70 anniversarju mill-Olokawst lejlet il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, saħaq li dak li seħħ 70 sena ilu għadu fil-periklu li jista’ jseħħ jekk il-bniedem jibqa’ jsikket il-kuxjenza tiegħu, jobdi kull ordni li tasallu minn fuq u ma jibqax iqis lill-bniedem bid-dinjità tiegħu fir-rispett tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
Waqt li sellem il-memorja ta' dawk kollha li mietu fil-kampijiet ta' konċentrament, George Vella fakkar kif min kien joħroġ l-ordnijiet biex jinqatlu daqshekk nies u min wettaq l-ordnijiet, li llum huma ta’ mistħija għall-umanità kollha, kienu persuni bil-familji li fl-aħħar tal-ġurnata kienu jmorru lejn id-dar tagħhom qisu qatt ma kien xejn.
Saħaq li minn dak kollu li seħħ matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-bniedem għadu ma tgħallem xejn u jekk jingħata ċ-ċans jerġa’ jagħmlu. Irrimarka li l-moħqrija u l-eliminazzjoni ta’ ċerti popli għadu għaddej waqt li semma’ dak li qed jiġri bħalissa fl-Ukraina, fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant Nofsani permezz tal-Istat Iżlamiku.
Għalhekk saħaq li kulħadd għandu l-obbligu li jgħallem liż-żgħar dwar dak li seħħ matul l-istorja, bit-tama li ma terġax tirrepeti ruħha. Spjega li l-garanzija tal-bniedem hi fil-ħarsien tal-istrutturi supra-nazzjonali bħalma huma n-Nazzjonijiet Magħquda li żżomm normi ta’ dak li hu permess jew le. 
Anke d-deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, f'isem l-Oppożizzjoni, ingħaqad mal-Gvern fl-espressjoni ta' sentiment ta' sogħba. Saħaq li llum ħafna, inkluż fil-pajjiżi tal-UE, għadhom jaraw is-soluzzjoni bħala bomba fuq ġurnalist jew fuq xi ħadd li jridu jeliminaw.
Bħalissa l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia jinsab fi Praga għall-Forum Internazzjonali "Let my people live" waqt li l-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca tinsab fil-Polonja għaċ-ċerimonja li se tfakkar is-70 anniversarju mill-ħelsien ta’ Auschwitz.