“Dak li Malta toffri lil Franza, trid toffrih lill-Istat Iżlamiku”

L-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici qal li dak li Malta toffri lil Franza, trid toffrih lill-Istat Iżlamiku.
F’kumment li ta lill-portal inews, Dr Mifsud Bonnici saħaq li “f’dik li hi għajnuna umanitarja, Malta għandha tagħti għajnuna lil kulħadd, kemm lil Franza u jekk ikun hemm feruti tal-Istat Iżlamiku trid tagħti l-għajnuna lilhom ukoll.”
Sostna li b’hekk Malta la tkun qiegħda ma’ naħa u lanqas ma’ oħra.
Żied jgħid li jekk Malta tagħti permess biex jidħlu bastimenti Franċiżi fil-port, trid tagħti l-istess faċilità lill-Istat Iżlamiku.
Karmenu Mifsud Bonniċi enfasizza li “fl-interess tal-pajjiż, apparti dak li tgħid il-Kostituzzjoni, m'għandniex niċċappsu u nkunu kompliċi kontra l-Istat Iżlamiku.”
“Hu importanti li Malta ma tisseħibx fi kruċjati ta’ pajjiż jew tal-Unjoni Ewropea kontra stat ieħor,” żied jgħid l-eks-Prim Ministru.