Dak li laqat il-karozza tal-Ministru Mallia kien taħt l-effett tal-alkoħol

Ir-raġel li laqat il-karozza tal-eks Ministru Manuel Mallia kien taħt l-effett tal-alkoħol bil-livell ta’ konsum kien ta’ tliet darbiet aktar minn dak stipulat legalment.
Dan ħareġ fil-qorti fejn intqal li għall-ewwel ir-raġel m’aċċettax li jsirlu t-test tal-breathalyser anke jekk kien imwissi li jekk it-test ma jsirx kien se jkun ħati b’mod awtomatiku.
Jirriżulta li l-breathalyser sar ħames sigħat wara li seħħ l-inċident li nvolva l-isparaturi minn Paul Sheehan.
Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, Paul Sheehan ta’ 40 sena diġa’ wieġeb mhux ħati t’attentat ta’ qtil wara li r-raġel laqat il-karozza tal-Ministru, liema każ seħħ fid-19 ta’ Novembru li għadda fi Triq Edgar Bernard fil-Gżira.
Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx li testendi l-ħin biex Paul Sheehan idum barra sal-11:30p.m. filwaqt li kienu aġġustati l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Jirriżulta wkoll li mill-control room tal-Pulizija qatt ma ssemmew ‘warning shots’ iżda li kien hemm sparatura wara inċident hit and run u li fih kienet involuta karozza ta’ Ministru.
Kuntistabbli tal-Pulizija li għall-ewwel kien ordnat imur ħdejn il-pixxina nazzjonali qal li mar fuq il-post u ma sab xejn iżda imbagħad kien ordnat imur ħdejn il-mini ta’ taħt l-Università u jieħu ħsieb li kollox jibqa’ fuq il-post tal-inċident.
Jirriżulta li meta l-Pulizija mar hemm kien diġa sab li l-karozza tar-raġel kienet fuq trakk tal-Pulizija.