“Dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum” – Herrera

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera saħaq li dak li kien jgħodd għall-ambjent u l-ekonomija lbieraħ, mhux bilfors għadu tajjeb illum. Insista li hemm bżonn li jittieħdu miżuri iebsa fost l-oħrajn billi tiġi indirizzata l-politika tal-inħawi barra ż-żoni tal-iżvilupp  (ODZ). it-tibdil fil-klima u twaqqif tal-użu ta’ karozzi li jipproduċu l-karbonju.

Waqt l-ewwel business breakfast ta’ Newsbook.com.mt bit-tema l-Ekonomija vs l-Ambjent, il-Ministru Herrera saħaq li hemm il-ħtieġa li nżommu bilanċ bejn l-ekonomija, l-investiment u l-ambjent. Irrimarka li l-bniedem illum hu preokkupat bl-ambjent għall-kuntrarju ta’ 30 sena ilu. Spjega li dak iż-żmien id-dinja naturali kienet sostenibbli waħedha. 

Filwaqt li stqarr li jaqbel li l-ambjent hu parti mill-ekonomija, saħaq li hemm sezzjoni tal-ambjent li l-bniedem m’għandux imiss. Insista li hemm il-ħtieġa li nippreservaw l-ambjent naturali, għax f’ċertu aspetti n-natura tmexxi l-affarijiet aħjar mill-bniedem. Saħaq li jekk il-pajjiż isir kollu parks immexxija minn nies, ikompli jinqered l-ambjent.

“Jien favur l-iżvilupp li hu bis-sens u sostenibbli”, irrimarka Herrera.

Il-Ministru qal li l-baġit għas-sena d-dieħla kellu fl-isfond is-sostenibbiltà u ċertu aspetti ambjentali.  Fakkar li Malta għandha ċirkostanzi differenti minn pajjiżi oħra, l-aktar pajjiż popolat fl-Ewropa, ħafna traffiku, turiżmu kbir, investiment dirett qawwi. 

“Il-liġijiet qatt ma jistgħu jkunu iswed fuq l-abjad”

Fil-messaġġ tal-għeluq, il-Ministru saħaq li minħabba ċ-ċokon ta’ Malta, l-ispekulazzjonijiet fuq l-artijiet, il-bini u l-investiment qawwi, l-ikbar kunflitt jaqa’ bejn l-iżvilupp u l-ambjent.

Saħaq li l-liġijiet qegħdin hemm biex iservu lil bniedem u mhux il-bniedem iservi l-liġi. Fisser li l-liġijiet qatt ma jistgħu jkunu iswed fuq l-abjad, “għax iċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu”. Żied jgħid li inutli jiġu rfinuti l-liġijiet jekk min jiddeċiedi ma jkollux impenn li jinterpreta l-liġijiet b’mod raġonevoli u fl-ispirtu tagħhom.

Il-Business Breakfast beda b’messaġġ awdjoviżiv mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Filmat: Bżonn tkabbir ekonomiku imma mhux a skapitu tal-ambjent – L-Arċisqof

“Waqqfu l-pick and choose” – Marthese Portelli

Minn naħa tagħha, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Ippjanar Marthese Portelli qalet li d-definizzjonijiet differenti għall-ambjent ifissru li l-punt tat-tluq mhuwiex simili. “L-approċċ ta’ pick and choose jrid jieqaf”.

Fasslu l-ekonomija biex tagħti valur lill-ambjent – Gordon Cordina

L-ekonomista Gordon Cordina qal li l-ekonomija mhix immirata biex tkejjel l-impatti u l-inizjattivi ambjentali. Issuġġerixxa li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-baġit nazzjonali.

Irridu nikkalibraw ir-riżorsi aħjar – Manuel Sapiano

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano, qal li r-riżorsi f’Malta huma skarsi u l-użu tagħhom irid jiġi kkalibrat u jsir aktar effiċjenti.

Warrbu l-egos – Sandro Chetcuti

Miguela Xuereb

Il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti qal li l-investitur huwa l-vittma ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-banek, min jippjana u l-politiċi. Saħaq li jekk dawn jieħdu deċiżjonijiet ħżiena, l-iżviluppatur jispiċċa jfalli. Huwa qal li żviluppi ‘l hemm u ‘l hawn mhuwiex ippjanar u li ma jagħmilx sens għall-iżviluppatur.