“Dak li jrid l-AĠ imur kontra l-interess tal-ġustizzja” – Jason Azzopardi

L-avukat Jason Azzopardi qal li dak li jrid l-Avukat Ġenerali jmur kontra l-interess tal-ġustizzja.
Dr Azzopardi qal dan fil-programm Newsline fuq RTK meta tkellem bħala l-avukat ta’ Jonathan Ferris, eksimpjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
Huwa kien qed jirreaġixxi għat-talbiet tal-Avukat Ġenerali Peter Grech biex il-kawża fit-tribunal industrijali fil-konfront ta’ Jonathan Ferris tinstema’ fil-magħluq, li l-affidavit tiegħu ma jkunx parti mill-proċess għax jipperikola s-sigurtà nazzjonali, u li Ferris ikun ipprojbit milli jagħti intervisti lill-midja.
Dr Jason Azzopardi sostna li l-uniku każ fi tribunal industrijali li għandu jistema’ fil-magħluq huwa dak li jiswa l-interess tal-ġustizzja, u mhux dak li jiswa l-interess tal-istat.
Sostna li skont il-Konvenzjoni Ewropea, il-kawżi kollha għandhom ikunu fil-miftuħ. Filwaqt li ppreċiża li hemm eċċezzjonijiet li jaqgħu taħt sigurtà nazzjonali, qal li ċertament dan mhux il-każ.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, Jonathan Ferris ġie infurmat li ntemmlu l-impjieg tiegħu mal-FAIU meta kien għadu fuq probation.
Dr Jason Azzopardi argumenta kif il-klijent tiegħu kien qed jiġi fdat mill-istess FAIU biex jindirizza konferenzi kbar f’Malta u barra minn Malta dwar is-suġġett tal-ħasil ta’ flus.
Tkellem dwar dak li sejjaħ bħala periklu, li f’dan il-każ, l-istat qed jipprova jxekkel ix-xhieda ta’ persuna. Esprima t-tħassib tiegħu li l-awtoritajiet fil-pajjiż qed jagħmlu minn kollox biex titgħatta x-xhieda ta’ ċittadin, u jista’ jingħadda l-messaġġ ħażin li f’Malta mhux qed jittieħdu passi kontra dawk li jaħslu l-flus.
Skont rapport fuq The Times of Malta, l-Avukat Ġenerali tal-Gvern argumenta li Jonathan Ferris għadu marbut bis-segretezza tal-pulizija, li fi kliemu tapplika wkoll għall-eksimpjegati kollha tal-FIAU.
Newsbook.com.mt se jibqa’ jipprova jagħmel kuntatt mal-Avukat Ġenerali dwar din il-kwistjoni biex jikseb ir-reazzjoni tiegħu għal dan.