‘Dak li ġie fdat lilna, għandna naqsmuh fejn is-soċjetà għandha l-iktar bżonn’ – l-Arċisqof Scicluna

Read in English.

‘Jekk ma naqsmux dak li ġie afdat lilna fejn is-soċjetà għandha l-iżjed bżonn, se jkollna min jiġġudikana,’ saħaq l-Arċisqof Charles Scicluna waqt quddies li saret wara ċ-ċerimonja li biha l-Istitut Adelaide Cini, li huwa propjetà tal-Knisja, għadda lil Hospice Malta.

Il-Quddies ġiet iċċelebrata fil-kappella tal-istess Istitut f’Santa Venera.

Waqt l-omelija, saħaq li hemm bżonn li l-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini għandha tittieħed bis-serjetà. Żied jgħid li hi fuq l-istess livell bħal Adeodata Pisani u Nazju Falzon.

Mons. Scicluna spjega kif il-bini li ngħata lil Hospice Malta nbeda minħabba l-kuraġġ ta’ mara lajka, Adelaide Cini, li kienet wirtet il-ġid u wżatu biex tindirizza urġenza fi żmienha.

Mons. Scicluna żied jgħid li llum dan l-bini qed jiġi fdat lil-lajċi li qed jagħtu risposta kurraġuża u mimlija tama quddiem l-urġenza tal-lum.

Cini nġabet fl-Istitut 100 sena ilu fi żmien l-Arċisqof Mauro Caruana u ndifnet fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Mons. Scicluna tkellem fuq l-istil li fuqha mibnija l-kappella u żid jgħid li x-xewqa tiegħu hi li din issir ċentru ta’ devozzjoni lejn Cini.

Mons. Scicluna tkellem fuq l-Evanġelju u qal li l-parabbola tar-raġel għani u Lazzru għandha żewġ protagonisti, l-għani u raġel fqir bl-isem ta’ Lazzru. Fisser li bħal donnu jrid jgħidilna minkejja li f’din il-parabbola Lazzru kien abbandunat fost l-indifferenza, imma għal Ġesù kien qrib ħafna.

L-Arċisqof saħaq dwar l-importanza li wieħed iressaq lejh persuni li jitpoġġew jew ipoġġu lilhom infushom minħabba ċirkostanzi li jkunu fihom fil-periferija.

Mons. Scicluna sostna li l-parabbola ma tgħallimniex biss li għandna nieħdu ħsieb lil xulxin iżda għandna r-responsabbilità li l-barkiet naqsmuhom ma’ ħaddieħor. Kien hawn li huwa rrefera għaċ-ċerimonja tal-lum.