Filmat: “Dak li għandi ngħid se ngħidu fil-Grupp Parlamentari” – Miriam Dalli

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li dak li għandha tgħid dwar is-sitwazzjoni kurrenti u dwar riżenji ta’ membri fil-Gvern, se tkun qed tgħidu fil-Grupp Parlamentari.

Dr Dalli qalet dan ma’ Newsbook.com.mt, hi u dieħla fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, fejn f’nofsinhar mistenni jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-Grupp Parlamentari u fil-Kabinett qed tikber ir-rabja għall-Ministru Konrad Mizzi, għall-Ministru Chris Cardona u għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dalgħodu kiteb dwar dan ukoll il-Ministru Evarist Bartolo.

Madanakollu, meta mistoqsija dwar jekk taqbilx li l-Ministru Mizzi u Keith Schembri għandhomx jirreżenjaw, Dalli qalet li dak li għandha tgħid se tgħidu internament.

Wara din il-laqgħa tal-lum, għada mbagħad mistenni jkun hemm laqgħa tal-Kabinett, li normalment issir kull nhar ta’ Tlieta.