“Dak li għamilt biex nieħu ħajti lura” – Clifford Galea

Nhar it-Tlieta 7 ta’ Jannar 2020 jfisser ħolma oħra li se ssir realtà g]al Clifford Galea. Dan għax dak inhar se jitneida l-ktieb tiegħu Nifs Li Kważi Kissirni. Il-ktieb imbagħad se jkun jista’ jiġi akkwistat mill-ħwienet min-nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar.

Fil-ktieb tiegħu Clifford jitkellem dwar xi tfisser ‘addiction’, minn xhiex tgħaddi u dak kollu li għamel biex ħa ħajtu lura.

“Grazzi kbira lill-Fondazzjoni Oasi tal-kuraġġ li bnew fija, lill-familja tiegħi tas-sapport ġenwin, tal-ħbieb veri, ta’ dawk li tawni kuraġġ tul it-triq u ta’ dawk li ppruvaw iwaqqgħuni għax fil-verità, saħħewni!” kiteb Galea f’messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.

Hu rringrazzja lil Alfred Grixti u l-FSWS tas-sostenn, kif ukoll lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta George Vella li sema’ talbu u anki n-nies li jafuh talli ma’ ġġudikawhx.

F’Nifs Li Kważi Kissirni, Clifford Galea jirrakkonta l-esperjenza tiegħu ċar u tond bla kantunieri. Għal fini ta’ kunfidenzjalità, biddel l-ismijiet tal-persuni veri.

“Nispera li jkun t’għajnuna għall-bosta,” ikkonkluda hu.