“Dak li ġara lil Edward jista’ jiġri wkoll lil Manfred”

Fl-episodju tal-lum mis-sensiela It-Tmien Nota li jixxandar fit-3pm fuq TVM, Bella tkun tipprattika l-biċċiet tal-mużika li kellha ddoqq u tkanta waqt ir-riċeviment għand il-familja Bonnici. Waqt li qed tistudja l-partijiet tagħha tirċievi telefonata minn xi ħadd li tgħidilha biex toqgħod attenta għax dak li ġara lil Edward jista’ jiġri wkoll lil Manfred.

“Wieħed wieħed lil ta’ madwarek kollha nispiċċahom,” tgħidilha l-vuċi. “Imbagħad ikun imiss lilek.”

Imriegħda, Bella tgħid b’dan lil Pulizija li iżda ma jirnexxilhomx isibu minfejn saret it-telefonata. Manfred ma tantx jidher li jinkwieta għal din it-theddida. Imma jinkwieta għal Bella għax jaf li din mhux se tkun konċentrata fuq dak li kellha tistudja.

Aktar tard iżżurha l-ħabiba tagħha Angela li ssaqsiha kif marret għand omm Edward. Meta Bella tgħidilha li l-laqgħa ma kinitx waħda tajba, Angela tissuġġerilha biex jerġgħu jmorru għandha imma din id-darba tmur magħha ħija wkoll. It-tnejn imorru jkellmu lil omm Edward.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.