“Dak li ġara lil Cyprus Airlines hu ta’ twissija għall-Air Malta”

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti qalet li l-kwistjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru Ċiprijotta hi ta’ twissija għall-Air Malta.
Dan wara li l-Kummisjoni Ewropea tat struzzjonijiet biex Cyprus Airlines tieqaf topera għax il-kumpanija ma ħallsitx lura l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern Ċiprijott.
L-MHRA qalet li diġa sostniet li mhuwiex aċċettabli li membri tal-ekwipaġġ qed jieħu azzjonijiet industrijali biex iwaqqfu l-bidliet milli jiġu implimentati.
L-Assoċjazzjoni qalet li l-management tal-Air Malta għandha tinforma lill-ħaddiema b’żewġ għażliet, jiġifieri jew li jkunu lesti li jimplimentaw il-bidliet jew inkella jsibu impjieg alternattiv.
Qalet li ċ-ċittadin Malti nefaq €150 miljun mill-fondi tal-Gvern biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi ta’ dawk kollha li jaħdmu mal-Air Malta.
L-MHRA kompliet tgħid li mhux aċċettabbli li minħabba xi ħaddiema tal-Air Malta, l-impjiegi ta’ eluf, anke ta’ dawk li mhux neċessarjament jaħdmu mal-Air Malta, qed jiġu mhedda.
Staqsiet liema kumpanija oħra li qed tagħmel it-telf tipprovdi trasport għall-impjegati mir-residenza tagħhom lejn il-post tax-xogħol u lura kif ukoll safar b’xejn lill-ħaddiema u n-nisa jew l-irġiel tagħhom.