Dak li ġara fil-Furjana insult għal min qed jikkumbatti l-coronvirus – tabib

It-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri sostna li minkejja li apprezzat dak li ġara lbieraħ fil-Furjana huwa insult għal min qed jikkumbatti l-coronavirus. Hu qal dan permezz ta’ post fuq Facebook b’reazzjoni għal dak li għamlu għexieren ta’ persuni lbieraħ fuq il-Fosos tal-Furjana.

Ilbieraħ, Floriana FC ġew iddikjarati Champions għall-kampjonat Malti 2019/2020 filwaqt li Nadur Youngsters ġew iddikjarati Champions tal-ewwel Diviżjoni tal-GFA. Il-partitarji tal-Floriana FC mal-ewwel marru fuq il-Fosos tal-Furjana fejn hemmhekk iċċelebraw din ir-rebħa b’għexieren ta’ persuni jxejru bnadar u jkantaw innijiet ċelebrattivi. L-Assistent tal-Pulizija indirizza l-folla preżenti u waqqaf iċ-ċelebrazzjonijiet.

Dr Spiteri qal li bħala professjonisti tas-saħħa taw u se jibqgħu jagħtu l-aħjar għajnuna. Qal li grazzi għall-ippjanar u għax-xogħol li sar jidher li l-firxa kienet ikkontrollata. Qal li minkejja li forsi l-professjonisti bejniethom mhux qed jaqblu dwar kif se tkun it-tieni mewġa, li persuni jiltaqgħu fi gruppi ta’ mijiet mingħajr rispett lejn id-distanza soċjali, huwa riskju li kull min għandu xrara biss ta’ sens ma jieħux.

Insista li ċ-ċapċip, minkejja li apprezzat, mhux se jibdel id-dinja għall-aħjar, iżda r-responsabbiltà soċjali se tagħmel dan. Qal li dak li ġara fil-Furjana kien insult għal dawk kollha li qed jikkumbattu l-coronavirus b’wiċċhom bil-quddiem, lil dawk li mardu u lil dawk li mietu minħabba din il-marda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn