Dak kollu li trid tkun taf jekk illejla sejjer il-Belt

Jekk illejla se tkun qed tingħaqad mal-eluf ta’ Maltin li beħsiebhom jżuru l-Belt Kapitali għall-ftuħ tal-Valletta 2018, kun ċert li tkun taf b’dawn l-arranġamenti tat-traffiku u arranġamenti oħra.
L-għan huwa li wieħed ikun jista’ jivvjaġġa minn, lejn u ġewwa l-Belt b’mod aktar faċli
Kif se jimxu n-nies?
In-nies fi Triq ir-Repubblika, Triq l-Arċisqof, Triq Żakkarija, Triq il-Merkanti u Triq Ġlormu Cassar se jitħallew jgħaddu f’direzzjoni waħda biss.
Fejn se tieqaf tal-linja?
Minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Pjazza tat-Tritoni, il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt mhux ser tilqa’ karozzi tal-linja mill-4.30 ta’ waranofsinhar  sa kmieni filgħodu. 
Il-passiġġieri li deħlin il-Belt b’tal-linja, ser jieqfu fi Triq Sarria il-Furjana. Min ħiereġ mill-Belt lejn destinazzjonijiet oħra, il-karozza tal-linja ser jaqbadha mill-bus stops eżistenti taħt il-loġoġ fi Triq Sant’Anna il-Furjana.
Is-Servizz Speċjali mill-Belt lejn destinazzjonijiet oħra ser jiġi provdut sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
U Jekk ġej bil-karozza? 
Il-karozzi jridu jkunu pparkjati fil-Park & Ride tal-Furjana mhux aktar tard mill-5.00 ta’ waranofsinhar.
Wara l-5.00pm mhux possibbli li l-karozzi jidħlu jipparkjaw.
Is-shuttle service minn Triq Sarria l-Furjana għal Park & Ride ser jibqa’ jingħata sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
Minn fejn nista’ naqbad Taxi?
It-taxis ser joperaw mill-parkeġġ quddiem il-lukanda Phoenicia.
Jekk ġej bil-baħar…
Il-Ferry Service ser jibqa’ għaddej sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
Is-servizz tal-lift ukoll ser jibqa’ għaddej sas-2.00 ta’ filgħodu.
Arranġamenti oħra tat-traffiku
Triq il-Bombi sa Triq Sant’Anna ser tkun magħluqa kompletament għat-traffiku.
It-traffiku ħdejn il-Valletta Waterfront mhux ser jiġi affettwat. Dħul għar-residenti tal-Belt u l-Furjana ser ikun minn ħdejn il-Valletta Waterfront filwaqt li ħruġ jew mill-istess triq jew minn ħdejn Belt is-Sebħ u ‘l isfel lejn Sa Maison
It-telgħa ta’ Sa Maison ser tkun aċċessibbli ‘l isfel biss ħlief għal vettura b’servizz t’emerġenza.
Jekk trid tkun taf ukoll kif se jkun it-temp, agħfas hawn