Dak kollu li għandek tkun taf dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019

Read in English.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb issa stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-akbar avvenimenti kulturali f’Malta relatati mal-kotba u l-qari. B’inqas minn ġimgħa għall-Festival, hawnhekk se ssib informazzjoni utli dwar l-edizzjoni ta’ dis-sena.

Il-programm tal-attivitajiet fih aktar minn 90 attività immirati għat-tfal, familji, professjonisti fil-pubblikazzjoni u l-pubbliku ġenerali. Wieħed jista’ jsib tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, konferenzi u taħditiet sa drammatizzazzjonijiet, premieres ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, workshops, seminars u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal, fost oħrajn. Dawn l-attivitajiet jittellgħu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew f’kollaborazzjoni mal-imsieħba u l-eżebituri tal-Festival.

Dis-sena l-mistiedna speċjali tal-Festival hija l-Imħallef Rosemarie Aquilina. Aquilina hija bint emigrant Malti fl-Istati Uniti u serqet ix-xena internazzjonali s-sena l-oħra meta ppresediet il-każ ta’ Larry Nassar, l-eks-kowċ tat-Tim Nazzjonali Amerikan tal-Ġinnastika li nstab ħati li abbuża minn mijiet ta’ tfajliet tul 20 sena li kien ilu f’dik il-kariga.

L-Imħallef Aquilina se tkun qed tiġi intervistata minn Herman Grech, l-Editur ta’ Times of Malta, il-Ħamis 7 ta’ Novembru fit-8.00 pm dwar il-karriera legali tagħha, l-attiviżmu, ir-rabta ma’ Malta u anki ż-żewġ rumanzi kriminal tagħha. Il-Ħamis fil-11am se tieħu sehem f’seminar u workshop li tħejja apposta għal studenti Universitarji. L-Imħallef Aquilina se tkun qed twieġeb għal mistoqsijiet minn panel distint li jinkludi lil Dr Marceline Naudi mid-Dipartiment tal-Istudju tal-Ġeneru, Dr Ruth Farrugia mill-Fakultà tal-Liġi u Dr Lara Dimitrijevic mill-Women’s Rights Foundation.

It-tema ewlenija ta’ din l-edizzoni hija l-letteratura fantaxjentifika. It-tema ntgħażlet abbażi tar-rumanz rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018, Rokit ta’ Loranne Vella. Loranne se tkun qed tingħaqad mal-mistiedna internazzjonali l-oħra li lkoll għamlu isem għall-kitba ta’ dan il-ġeneru, waqt il-konferenza ewlenija li tiftaħ il-Festival li dis-sena ġġib l-isem ta’ ‘Strange New Worlds’. Jon Courtenay Grimwood (Ir-Renju Unit), Kali Wallace (l-Istati Uniti), Dave Rudden (l-Irlanda) u Loranne se jkunu qed jididskutu s-sisien tal-ġeneru, il-ħolqien ta’ realtajiet fittizji fejn l-azzjonijiet xorta waħda jsarrfu f’konsegwenzi li jinħassu tassew reali u l-letterarjetà tal-ġeneru fost suġġetti oħra, f’diskussjoni mmoderata mill-kittieb fantaxjentifiku Malti Mark Anthony Fenech.

Mal-1,700 student mistenija jżuru l-Festival kuljum u għalihom hemm preparati żewġ xows ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tas-sena l-oħra. F’kollaborazzjoni mal-KNK, grupp ta’ atturi mmexxija minn Antonella Axisa se jadattaw Mamà, allura din imħabba? ta’ Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna għal tfal tal-primarja u Jarmuk ta’ Steven Lughermo għal tfal akbar. Il-mistieden internazzjonali Dave Rudden se jagħmel xow ukoll nhar il-Ġimgħa filgħodu. Rudden dar id-dinja jżur skejjel u jitkellem mal-istudenti dwar il-potenzjal tal-kitba fihom.

Imbagħad hemm ix-xows Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja ta’ DANUSAN, li se jsiru nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-7pm, is-Sibt 9 ta’ Novembru fit-8pm u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fit-3.00 pm u li se jkunu bbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ din is-sena li jitħabbaru t-Tlieta 5 ta’ Novembru waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Festival. Ix-xows saru attività popolari waqt il-Festival, u l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jibbukkjaw il-biljetti minn fuq Showshappening.com. Kull min jippreżenta l-biljett mal-bieb se jingħata vawċer ta’ €3 li jissarraf mingħand l-eżebituri tal-Festival.

Is-Sibt 9 ta’ Novembru se jkun hemm is-serata ta’ xogħol awdjoviżiv ikkummissjonat mill-Kunsill fl-2019. Se jkun hemm il-premiere tant mistenni tal-film rebbieħ tal-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra, Ġulina, film qasir ta’ Peter Sant ibbażat fuq in-novella ta’ Alfred Sant li ġġib l-istess isem. Se jintwera wkoll episodju mis-sensiela ta’ dokudrama Storja ta’ Storja. Dan il-konkors tnieda aktar kmieni dis-sena u l-kumpanija rebbieħa hija Sajjetta. Is-serje qed issir taħt id-direzzjoni ta’ Charlie Cauchi u Martin Bonnici. Finalment fl-aħħar tas-serata titħabbar il-kumpanija rebbieħa tal-akbar fond li l-Kunsill ħareġ sa issa għal proġetti awdjoviżivi, il-Fond għall-Addattament Ċinematografiku.

Nhar il-Ġimgħa, jum il-poeżija waqt il-Festival, se jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, varat aktar kmieni dis-sena. Se jkun hemm qari ta’ poeżija minn poeti stabbiliti waqt avvenimenti speċjali fit-8.00 pm.

Inizjattiva ġdida għall-Festival hija l-Inkontri Letterarji Qosra (Literary Speed Dating) ma’ professjonisti fil-pubblikazzjoni. L-inkontri se jagħtuk il-possibbiltà li titkellem mal-awtur, pubblikatur jew illustratur favorit tiegħek inkella tiddiskuti ma’ professjonisti stabbiliti waqt il-Festival.

Il-pubbliku jista’ juża l-Festival biex jiltaqa’ ma’ persuni veterani li jkunu ħallew marka fuq il-qasam tal-kotba f’Malta. Fil-fatt il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba did-darba mar għand Dr Lillian Sciberras.. Il-pubbliku jista’ jiltaqa’ magħha nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru fil-5.00 pm, u jsir jaf aktar dwar il-karriera letterarja u professjonali tagħha.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħa ħsieb ukoll li jipprovdi mezz alternattiv ta’ trasport għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Ipparkja l-karozza l-Furjana u aqbad ix-shuttle tal-Festival li se topera kull nofs siegħa minn Bay A fit-Terminus tal-Belt lejn Dar il-Mediterran u oħra lura fl-istess ħin. Is-servizz huwa b’xejn u qed jiġi offrut minn Malta Public Transport. Għall-ħinijiet idħol fis-sit taghhom.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru, Dar il-Mediterran. Il-programm tal-attivitajiet tqassam ma’ Malta u Għawdex kollha.