Dak kollu li għandek tkun taf dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa

Curia: church.mt/photos

L-Arċisqof Charles J. Scicluna stieden lill-Insara biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l-Knisja Kattolika tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Fi stqarrija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-Arċisqof stieden ukoll lill-Insara jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet li se jippresiedi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

  • Nhar il-Ħadd li ġej, 14 ta’ April, il-Knisja tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. L-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-10.30am, ibierek il-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ, u wara jiċċelebra Quddiesa. Matul il-Quddiesa jinqara r-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelju skont San Luqa.
  • L-Erbgħa, 17 ta’ April, fis-7pm, l-Arċisqof se jmexxi l-Via Sacra Djoċesana li tibda minn ħdejn l-istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il-lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann.
  • Il-Ħamis, 18 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fid-9.15am, l-Arċisqof jiċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma li matulha, flimkien mal-Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni tagħhom.
  • Il-Ħamis, 18 ta’ April filgħaxija, fis-6pm, issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Matul din il-Quddiesa, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il-Quddiesa l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-Kappella tar-Ripożizzjoni għall-qima tal-Insara.
  • Il-Ġimgħa, 19 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30pm, l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
  • Is-Sibt, 20 ta’ April, Sibt il-Għid, fit-8pm, l-Arċisqof imexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral, u tkompli bil-liturġija tal-Kelma, il-liturġija tal-Magħmudija, u l-liturġija tal-Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni ser jiġu amministrati s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lill-adulti.
  • Il-Ħadd, 21 ta’ April, Ħadd il-Għid, fl-10.30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.