Daimler u BMW se jaħdmu flimkien fuq il-car sharing

Daimler u BMW se jaħdmu flimkien fuq il-car sharing
Il-kumpaniji Daimler u BMW qed jippjanaw merger fin-negozju tagħhom ta’ car sharing hekk kif l-akbar kumpaniji li jipproduċu karozzi lussuzi jridu jsaħħu l-kompetizzjoni tagħhom għal fornituri bħal Uber Technologies Inc.
Iż-żewġ kumpaniji se jgħaqqdu ż-żewġ negozji tagħhom Car2Go u DriveNow kif ukoll servizzi ta’ apps tal-ismartphones biex wieħed ikun jista’ jibbukja taxi, isib postijiet tal-parkeġġ u jiċċarġja l-karozzi elettriċi. Iż-żewġ kumpaniji jemmnu li l-profitt ta’ kumpanija konġunta jista’ jkun ogħla minn dak ta’ tnejn separati.
Dan il-ftehim jippermettilhom inaqqsu r-riskji f’industrija li hija bbażata fuq it-teknoloġija u li tinkludi numru ta’ rivali f’ambjent li jinbidel regolarment. Dan qed iwassal għal diversi ftehimiet ta’ dan it-tip. Fost l-oħrajn, Waymo (kumpanija oħra sussidjarji ta’ Alphabet, bħal Google) ftehmet li tiżviluppa vetturi awtonomi ma’ Jaguar Land Rover. Iż-żewġ kumpaniji kkommettew ruħhom li jkomplu jikkompetu fis-settur tal-manifattura tal-vetturi.
Car2Go u DriveNow inbdew bħala ventures ta’ kumpaniji tal-kiri tal-karozza u inxtraw minn Daimler u BMW iktar kmieni din is-sena. mhux mistenni li dan il-ftehim jiltaqa’ ma’ ostakli regolatorji. Iż-żewġ kumpaniji, flimkien ma’ Volkswagen u Intel qed jaħdmu wkoll fuq proċess ta’ digital mapping magħruf bħala HERE.

Il-livell tal-bonus fis-servizzi finanzjajri lura fl-għola livell

Il-bonus annwali għall-ħaddiem medju fl-industrija tas-servizzi finanzjarji fl-IStati Uniti reġa’ lura fil-livelli ta’ qabel il-kriżi finanzjarja. Dan minkejja li l-industrija llum hi iżgħar minn dak li kienet dak iż-żmien.
Fis-sena li għaddiet, il-bonus medju żdied bi 17% għal 184,220 dollaru Amerikan, l-għola livell sa mill-2006, skont tagħrif ippubblikat mill-Istat ta’ New York. B’kollox, f’Wall Street, tqassmu aktar minn 31 biljun dollaru Amerikan f’bonusis.
Wara l-kriżi, il-Gvern Amerikan kif daħħal diversi regolamenti finanzjarji ġodda, fosthom li naqqas il-ħila tal-banek li jwettqu trading għalihom infushom u sfurzahom iwarbbu aktar kapital. Inbidlu wkoll ir-regolamenti dwar kif jingħataw dawn il-bonusis. Iżda wara l-ħatra tal-President Donald Trump, Washington bidlet ir-rotta u reġġgħet it-triq lura dwar uħud minn dawn ir-regolamenti.
Id-daqs tal-bonus huwa ta’ interess qawwi għal diversi setturi għaliex iħalli impatt fuq industriji oħra fosthom dawk tal-proprjetà, ristoranti u intrattateniment, karozzi lussuzi, ġojjelerija u moda. Igawdi wkoll l-Istat mid-dħul mit-taxxi. Biex wieħed japprezza l-impatt ta’ dawn il-bonusis, filwaqt li Wall Street iħaddem 5% tal-impjiegi lokali, hemmhekk jitħallsu 20% tal-pagi. F’Wall Street jaħdmu 176,500 persuna. Aktar minn hekk, dan ir-rapport jinkludi biss bonusis imħallsa f’kontanti u mhux perkaċċi oħra fosthom ishma fil-kumpaniji.
Care2Go tikri Daimler kif ukoll vetturi żgħar tad-ditta Mercedes, filwaqt li DriveNow tikri Minis u vetturi żgħar tad-ditta BMW, inkluż l-i3 li taħdem bil-batteriji.

Takeda mħajra takkwista l-Shire

Il-kumpanija Ġappuniża tal-farmaċewtika Takeda ħabbret li qed tikkunsidra offerta biex tixtri l-manifattur Irlandiż tal-mediċini Shire bħala parti minn strateġija biex issir kumpanija globali fil-qasam tal-biofarmaċewtika.
Filwaqt li Takeda qalet li għadha biss fil-fażi li tikkunsidra tali offerta, mal-pubblikazzjoni ta’ din l-aħbar, l-ishma ta’ Shire żdiedu b’20%, għal kważi 36 sterlina l-waħda. Dan tella’ l-valur tal-kumpanija għal 32.7 biljun sterlina. Ċaqliq ‘il fuq fl-ishma kien reġistrat ukoll fil-każ ta’ Takeda.
Fl-aħħar xhur, xniegħat dwar offerta ta’ dan it-tip kienu komuni, xi ħaġa li waslet għal volatilità qawwija fil-prezz tas-sehem ta’ Shire. Dan wassal biex it-Takover Panel tar-Renju Unit poġġa pressjoni fuq Takeda biex tistqarr jew le jekk kinitx interessata fl-akkwist ta’ Shire.
L-interess ta’ Takeda fil-kumpanija Irlandiża huwa biex isaħħaħ l-oqsma terapewtiċi tagħha. Sal-lum hija tiffoka fuq is-settur tal-onkoloġija, il-gastroenteroloġija u n-newroxjenza. Min-naħa tagħha, Shire hija fuq quddiem fl-oqsma ta’ mard rari.
Ix-xahar li għadda Shire ħabbret dħul ta’ 15-il biljun dollaru għall-2017, żieda ta’ aktar minn 30% u aktar minn dak oriġinarjament imbassar, iżda wissiet li l-profitti din is-sena jistgħu jonqsu minħabba l-kompetizzjoni minn mediċini ġeneriċi. Takeda min-naħa tagħha qed tara s-suq lokali jiċkien, u għalhekk qed tfittex li tespandi lil hinn minn xtutha.  Is-sena li għaddiet Takeda xtra lil Ariad Pharmaceuticals għal 5.2 biljun dollaru.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.