​Daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida dwar il-midja

Il-Gvern qal li b’effett mill-14 ta’ Mejju daħal fis-seħħ b’effett immedjat l-Att dwar il-Midja u l-Malafama.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja iddeskriva din il-liġi l-ġdida dwar il-midja bħala waħda li “tagħti libertajiet bla preċedent lill-espressjoni ġurnalistika”. 
Il-Gvern kompla jgħid li l-libelli kriminali li kienu nbdew taħt il-liġi l-antika tal-istampa spiċċaw u saru xi ħaġa tal-passat waqt li ddaħħlu difiżi ġodda għall-ġurnalist u għaċ-ċittadin-ġurnalist. 
B’hekk wara erba’ snin, il-Ministeru qal li l-Gvern għalaq il-kapitlu dwar il-libell kriminali li fi kliemu “kienu jxekklu l-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-poplu fil-ħajja demokratika”. 
Il-Ministersu sostna li l-liġi l-ġdida tqiegħed lil Malta fl-ogħla livelli ta’ rispett għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u turi wkoll il-maturità politika tal-Gvern.