Daħħlet 97 kelb f’darha biex salvathom mill-urugan Dorian

Ritratt: Facebook/Chella Phillips

Mara minn Nassau fil-Bahamas daħħlet 97 kelb f’darha biex tħarishom mill-qilla tal-urugan Dorian li għadda minn fuq pajjiżha. Dan l-urugan ta’ kategorija 5 fl-1 ta’ Settembru għamel ħerba sħiħa mill-gżejjer tal-Bahamas u li kieku ma ħaditx ħsiebhom hi kienu jmutu.

Ritratt: Facebook/Chella Phillips

Il-mara, Chella Philips, m’għandhiex dar kbira u lanqas hi attrezzata biex tilqa’ fiha tant klieb li bosta minnhom kienu morda. Fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook il-mara qalet li 79 minn dawn il-klieb spiċċaw biex daħħlithom fil-kamra tas-sodda tagħha, l-akbar kamra li kellha. Il-lejl għaddietu magħhom iżda kienet kuntenta l-aktar għaliex l-ebda wieħed minnhom ma’ tela’ fuq is-sodditha.

Ritratt: Facebook/Chella Phillips

Chella ammettiet li għaddiet lejl tal-ġenn fil-veru sens tal-kelma għax kellha tieħu kura ta’tant klieb. Hija ħalliet l-arja kundizzjonata għaddejja l-lejl kollu, daqqet mużika kwieta u sakkret tajjeb il-bibien u –twieqi biex hi u l-klieb ma jiġrilhom xejn.

Ritratt: Facebook/Chella Phillips

Wara li għadda l-urugan il-mara kitbet kemm kienet dispjaċuta li wara li għaddiet il-maltempata xi gżejjer minnhom se jieħdu żmien twil biex jirkupraw. Li hu żgur li fuq dawn ilgżejjer hemm għadd kbir ta’ klieb li m’għandhomx dar u kura u “t-tama tiegħi hi li Alla issa jipproteġihom,” temmet tgħid.

Ritratt: Guardians to the Rescues

Iżda meta għaqda Amerikana Guardians of Rescue, bażata fi New York semgħet bil-każ huma rħewlha lejn id-dar ta’ Chella biex jieħdu magħhom fl-Istati Uniti kemm jista’ jkun minn dawn il-klieb biex ikunu addottati minn nies Amerikani.

Chella ilha tieħu ħsieb klieb bla dar għal dawn l-aħħar 15-il sena fejn sabet dar għal 200 kelb kull sena.