Daħal fin-nar biex salva qattus

Fil-belt ta’ Donetsk fl-Ukrajna seħħet splużjoni kbira li riegħdet parti kbira minnha. Fil-post fejn kien hemm l-isplużjoni u qribha bdiet ħuġġieġa nar li qabbdet bosta djar residenzjali. Kulħadd ħareġ jiġri minn daru.

Iżda kien hemm kelb li meta kien barra, wara ftit, reġa’ daħal fid-dar qalb in-nirien u wara ftit ħareġ lil sieħbu mill-mewt, qattus ċkejken, u salvah.

Il-kelb u l-qattus kienu ħbieb kbar, il-ħin kollu flimkien. Sidhom baqa’ impressjonat kif waqt li kulħadd deher li tilef rasu meta raw li l-fjammi xterdu kullimkien, il-kelb baqa’ b’moħħu ċar u b’kuraġġ kbir issogra ħajtu biex salva lill-ħabib tiegħu.

Kif intqal minn xi wħud, l-annimali għandhom il-ħila juruna li jistħoqqilhom l-imħabba u l-kura li nagħtuhom.