Aġġornata: 66% ma jirnexxilhomx iġibu ċ-ċertifikat għall-Università

66% tal-istudenti li qagħdu għall-eżami tal-matrikola sabiex jidħlu fl-Università ta’ Malta m’għaddewx.
Illum il-Bord tal-MATSEC qed jibgħat ir-riżultati lill-istudenti b’messaġġ fuq il-mowbajl, u aktar kmieni ppreżenta r-riżultati ewlenin għas-sessjonijiet li seħħew f’Mejju.
Fost l-oħrajn, kien hemm 4,019 student li għamlu l-eżami tal-matrikola. Dan ifisser l-eżami fil-Livell Avvanzat u dak Intermedju. Minn dawn 1,399 biss ġabu ċ-ċertifikati biex jidħlu l-Università.
L-oħrajn ikollhom jagħmlu l-eżami f’Settembru biex iġibu grad aħjar.
Għamlu l-eżami tal-matrikola ftit aktar minn 40% taż-żgħażagħ kollha f’Malta li għandhom 18-il sena, l-età li fiha skont it-taraġ skolastiku f’Malta tagħmel il-matrikola. Il-bqija kienu persuni ta’ minn 18-il sena sa saħansitra 72 sena.
Bejn wieħed u ieħor l-ammont ta’ persuni li għaddew ma nbidilx mis-sena l-oħra, hekk kif fl-2016 kisbu ċ-ċertifikat tmien persuni inqas, 1,391.
L-aktar suġġetti popolari mal-istudenti fil-livell avvanzat kienu l-Malti, l-Ingliż, il-Bijoloġija, il-Kimika u l-Fiżika. Fil-livell intermedjarju l-istudenti kkonkorrew l-aktar għall-Ingliż u l-Psikoloġija.
L-aktar grupp ta’ studenti li marru tajjeb u ġabu minn grad A sa Ċ f’livell avvanzat huwa l-grupp tax-xjenzi u l-matematika bi 52.7% jvarjaw bejn dawn il-gradi, l-inqas l-istudenti tan-negozju u l-istudji umanitatrji, b’45.8%.
Fil-livell intermedju l-istorja tinqaleb, hekk kif 39.5% biss tal-istudenti tax-xjenzi u l-matematika ġabu bejn A u Ċ. L-istudenti tal-lingwi maru ferm aħjar, b’50.4%.
Il-Malti u l-Ingliż skont il-Livell Avvanzat u l-Livell Ordinarju
Fil-Livell Avvanzat l-istudenti li qagħdu għall-eżami tal-Malti marru ferm aħjar minn dawk tal-Ingliż.
57.1% ta’ dawk li għamlu l-Malti ġabu minn grad A sa Ċ, filwaqt li 42.3% biss ta’ dawk li taw l-Ingliż ġabu l-istess gradi.
Min-naħa l-oħra, il-perċentwali tjiebu għall-Malti u l-Ingliż fil-Livell Ordinarju mis-sena l-oħra.
Filwaqt li fl-2016 kien hemm 65.3% tal-istudenti tal-Malti ġabu minn grad 1 sa 5, dis-sena l-perċentwal żdied għal 68%. Tajjeb jingħad li l-perċentwal ta’ dawk li ġabu minn grad 6 sa 7 fil-Malti naqas bi kwazi 3%.
Fl-Ingliż kien hemm 65.6% tal-istudenti ġabu minn grad 1 sa 5, dan tela’ għal 69.9% dis-sena. Dawk li ġabu grad 6 jew 7 naqsu wkoll bi 3%.
Stqarrija maħruġa mill-Gvern tgħid li 89.1% tal-istudenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-Livell Ordinarju kisbu grad bejn 1 u 5.
Tista taċċessa r-rapport sħiħ bl-Ingliż hawn taħt.