Cyrus Engerer jitfa’ n-nomina tiegħu għas-siġġu ta’ Miriam Dalli

Cyrus Engerer

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li llum Cyrus Engerer tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni każwali li se tkun qiegħda ssir il-ġimgħa d-dieħla sabiex jimtela l-post fil-Parlament Ewropew. Miriam Dalli rreżenjat minn Membru Parlamentari Ewropew biex issieħbet fil-Parlament Malti.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li fl-ewwel ġurnata li nfteħu dawn in-nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali rċeviet nominazzjoni waħda.

Il-kandidati eliġibbli huma dawk li kkontestaw l-elezzjoni għall-Parlamenti Ewropew fil-25 ta’ Mejju, 2019 u ma ġewx eletti. Il-kandidati jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru, sat-Tlieta 3 ta’ Novembru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building fi Triq il-Merkanti il-Belt Valletta bejn id-9am u 12pm.

L-għadd tal-voti se jkun qiegħed isir fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar il-Ħamis 5 ta’ Novembru mid-9.30 ‘il quddiem.

Nominazzjoni waħda għall-elezzjoni każwali fit-13-il distrett

Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija qalet li fl-ewwel jum li nfetħu n-nominazzjonijiet kien hemm nominazzjoni waħda. In-nominazzjoni ġiet ippreżentata minn Maria Portelli.

Dawn in-nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali nfetħu biex jimtela l-post tal-Membru Parlamentari tad-Deputat Fredrick Azzopardi.

L-għadd tal-voti ta’ din l-elezzjoni se jsir il-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, il-Ħamis il-5 ta’ Novmebru, mit-8.30am ’l quddiem.