Filmat: Cyrus Engerer elett MEP minflok Miriam Dalli

Aġġornat 11:35 AM

Read in English.

Cyrus Engerer ġie elett Membru Parlamentari Ewropew minflok Miriam Dalli. Huwa ġie elett bi 32,918-il vot.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-ġurnalisti wara l-aħbar li rebaħ l-elezzjoni, Engerer wiegħed li jkompli x-xogħol siewi mwettaq minn Miriam Dalli qablu, b’mod speċjali fejn jidħol l-ambjent, it-tibdil fil-klima, id-drittijiet umani u ċivili u s-saħħa pubblika.

Qal li huwa ta’ tħassib li mhux l-MEPs kollha jiġbdu ħabel wieħed sabiex itejbu r-reputazzjoni ta’ Malta, iżda hu beħsiebu jaħdem favur isem il-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lil Engerer talli ġie elett. Il-Partit Laburista wkoll ħareġ stqarrija li fiha feraħlu.

Cyrus Engerer huwa gradwat fil-Liġi Ewropea, Politika u Ekonomija mill-Università ta’ Malta u b’Masters fil-Politika Ewropea mill-Kulleġġ tal-Ewropa fil-Belgju. Bejn l-2014 u l-2019, Cyrus Engerer serva bħala l-mibgħut tal-Prim Ministru f’istituzzjonijiet Ewropej, fejn waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mexxa n-negozjati f’isem il-Kunsill mal-Parlament Ewropew.

Sa minn Jannar tal-2020 huwa serva bħala konsulent strateġiku ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. Huwa wkoll attivist għad-drittijiet ċivili u kien fuq quddiem f’diversi kampanji f’Malta li xprunaw l-introduzzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili.

Aktar kmieni…

Fid-9.30am bdew jingħaddu l-voti biex jiġi elett Membru Parlamentari Ewropew ġdid sabiex jieħu post Miriam Dalli wara li din ħalliet il-Parlament Ewropew għall-Parlament Malti x-xahar li għadda.

L-għadd tal-voti sar fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.

Il-kandidati f’din l-elezzjoni każwali kienu Cyrus Engerer, Josef Caruana, Robert Micallef, Lorna Vassallo, Felix Busuttil, Mary Gauci u James Grech.

Uħud minnhom kienu preżenti fin-Naxxar biex isegwu l-andament tal-għadd tal-voti. Kien hemm ukoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef.