Cycling the talk

Read in English.

Artiklu miktub minn Isaac Sam Camilleri, student il-Junior College.

Malta, waħda mill-iżgħar nazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea bl-iktar popolazzjoni densa, minkejja ċ-cokon tagħha, għandha rata verament għolja tal-użu tal-karozzi fit-toroq. Jiena, bħala student, iddeċidejt li ninvestiga u nirriċerka r-raġuni għalfejn ir-roti mhumiex komuni bħala mezz ta’ vjaġġar. Wettaqt dan billi għamilt intervista lill-president tal-NGO Bicycle Advocacy Group (BAG), lill-Prinċipal tal-Junior College, lil membri minn Transport Malta (TM), Infrastructure Malta (IM), kif ukoll lill-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg.

Bħala parti mir-riċerka, bgħatt survey qasir online lil studenti li jattendu l-istess kulleġġ tiegħi. Jidher li l-maġġoranza jużaw it-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw kuljum lejn l-iskola, filwaqt li 0.7% minnhom jużaw ir-rota.

L-iktar tliet raġunijiet komuni li taw l-istudenti għaliex jippreferu dan il-mezz ta’ trasport kienu li f’pajjiżna m’hawnx sigurtà biżżejjed għar-rotot tar-roti, li hawn nuqqas ta’ edukazzjoni fis-sewqan, kif ukoll li l-liġijiet huma laxki f’dan il-qasam.

Il-Prinċipal tal-Junior College spjega illi l-kulleġġ ħa l-inizjattiva li jinstalla żewġ racks fejn jinżammu r-roti, sabiex b’hekk ikun qed iħajjar lill-istudenti jagħmlu użu minnhom. Semma wkoll li l-kulleġġ ħa sehem fi proġett bl-isem ‘Promoting Sustainable Mobility Choices in schools’, organizzat mill-gruppi Nature Trust, Malta FEE u Transport Malta.

Il-parteċipanti f’dan il-proġett ingħataw voucher sabiex jutilizzawh billi jixtru materjal relatat mar-roti, sakemm qed jużaw ir-rota fit-triq lejn l-iskola. Il-Prinċipal ikkunsidra l-possibilità, illi ‘l quddiem jintroduċi attività extrakurrikulari dwar l-istħarriġ fis-sewqan tar-rota. Hu semma l-fatt illi jekk l-istudenti jidraw jimxu jew isuqu r-rota lejn l-iskola, se jsiru iktar indipendenti u fl-istess ħin jgħinu ‘l saħħithom u lill-ambjent.

Is-CEO ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, qal li permezz tax-xogħol tiegħu jixtieq li jwassal messaġġ u jippromwovi s-sigurtà, sostennibilità, kwalità, u effiċjenza għall-dawk kollha li jużaw it-toroq Maltin. Permezz tax-xogħlijiet kontinwi fit-toroq u l-infrastruttura nazzjonali, bħal pereżempju l-mina ta’ Santa Luċija, il-proġett tal-Marsa Junction, u l-proġett Central Link, l-IM qed jikkrea iktar minn 14-il kilometru ta’ lanes ġodda għar-roti. Dawn jinkludu wkoll l-introduzzjoni ta’ passaġġi ġodda għall-pedestrians u pontijiet għaċ-ċiklisti, li se jiffaċilitaw il-qsim minn toroq kbar, u anke jtejbu s-servizz tal-vapur sabiex in-nies jaqsmu bil-baħar.

TM issegwi l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport 2050 li tipprevedi: sistema ta’ trasport sostenibbli, li hija effiċjenti, inklużiva, sigura, integrata u affidabbli għan-nies u l -merkanzija, li tappoġġja ambjenti u komunitajiet urbani, rurali u kostali attraenti fejn in-nies iridu jgħixu u jaħdmu, issa u fil-futur.

Iċ-Chairperson u CEO ta’ TM spjega li għal kull proġett ġdid, il-kumpanija taċċerta ruħha li l-infrastruttura għar-roti tiġi ppjanata mill-bidu nett. Fl-opinjoni tiegħu, il-klima, l-art u t-tip ta’ ħajja f’pajjiżna huma parti mir-raġuni għaliex il-poplu jżomm lura milli jibdel il-mod ta’ vjaġġar, u allura TM se tiftaħ skemi li jippromwovu teknoloġija ġdida f’dan il-qasam, pereżempju l-użu tal-pedelec. Il-kumpanija qed taħdem ukoll fuq kampanji edukattivi li jinvolvu ċiklisti li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, u huma ferm grati għal dawk kollha li jħeġġu l-użu tar-roti fl-aġenda nazzjonali. Ammetta wkoll illi l-qagħda preżenti tal-infrastruttura mhix fl-aqwa tagħha u għadhom jeżistu perikli, però jinsab diżappuntat illi ċerti nies iwasslu stampa ferm agħar milli hi r-realtà tas-sitwazzjoni, għaliex dan jagħmel ħsara lill-ħidma ta’ TM.

TM reċentament ħarġet leġiżlazzjoni ġdida rigward il-micro-mobility, u qed ikomplu jibnu u jappoġġjaw it-tkabbir tagħha. Dan jinvolvi l-promozzjoni tat-tqassim ta’ trasport fejn l-individwi jibdlu minn mod ta’ trasport għal ieħor. Meta s-Sur Bugeja ntwera l-istħarriġ tal-istudenti, huwa qal li jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa tal-użu tar-rota mill-istudenti, għaliex dawn huma l-futur ta’ gżiritna.

Fil-ħidma tagħha biex tippromwovi s-sigurtà fit-toroq, TM kontinwament tiltaqa’ ma’ NGOs permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà fit-Toroq ta’ Malta li bħalissa qegħdin ifittxu rotot tar-roti siguri minn toroq sekondarji. TM għandhom ukoll direttorat iddedikat għall-infurzar tal-liġi fit-toroq tagħna li jgħin biex it-toroq ikunu siguri għal kulħadd.

BAG hija NGO ambjentali, bl-għan li tinkoraġġixxi mezzi alternattivi tat-trasport, speċjalment ir-roti. Dr Attard Tonna, il-President tal-BAG, qal illi min-naħa tagħhom mhumiex isaqsu għal xi privileġġ speċjali, iżda fejn huwa possibbli, jitolbu għall-inklużjoni ta’ rotot separati għar-roti, u fejn dan ma jistax iseħħ, jiżdiedu l-kampanji edukattivi u infurzar. Attard Tonna stqarret illi meta l-armadillos jiġu użati f’toroq prinċipali u ta’ speed għolja, jistgħu jkunu ta’ periklu, għalhekk għandhom jiġu evitati. Waħda mill-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħha hija mal-awtoritajiet, peress li huma jikkonformaw biss mat-talba tagħhom sakemm il-bicyle lanes ma jinterferixxux mat-traffiku ġenerali. Hija kkonkludiet li rridu nagħmlu bidla għall-futur tagħna u staqsiet, “Għaliex hija daqshekk diffiċli li nibnu insfrastruttura sigura għall-poplu kollu?”

Adrian Robinson

Il-Ministru Ian Borg stqarr illi l-Gvern u l-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, qegħdin jaħdmu bla waqfien biex jipprovdu soluzzjonijiet short-term kif ukoll fuq bażi futura. Huwa qal li għal snin twal l-infrastruttura f’Malta lanqas tjiebet biżżejjed biex tkopri għaż-żieda fid-domanda tal-karozzi u għalhekk wisq inqas l-infrastruttura taċ-ċikliżmu, li hija l-element li qed jiġi indirizzat f’dan iż-żmien. Huwa tal-opinjoni li t-twessigħ u t-titjib fit-toroq ma jfissirx li l-poplu se jixtri iktar karozzi, iżda li tiżied il-possibilità li wieħed jasal fid-destinazzjoni tiegħu fl-iqsar ħin, u dan se jikkontribwixxi għal kwalità aħjar ta’ ħajja u ta’ arja iktar nadifa. Ikkonkluda billi jgħid li huma se jkomplu jagħfsu fuq l-inċentivi bħall-iskemi tal-iskrepjar tal-karozzi, trasport pubbliku b’xejn, u l-investiment f’siti ta’ ħatt tal-vapuri, kif ukoll miżuri li diġà ttieħdu, eżempju ir-regolarizzazzjoni fis-swieq tat-tqassim tal-karozzi u r-roti. Huwa jemmen li dan il-pass se jkun kruċjali biex jibdel il-mentalità lokali, li għadha ferm iddominata mill-użu tal-karozzi.

Din l-investigazzjoni tefgħet ħarsa lejn l-ostakli ewlenin li qed jaffaċċjaw iċ-ċiklisti (nuqqas ta’ infrastruttura fit-toroq u nuqqas ta’ edukazzjoni tas-sewwieqa u taċ-ċiklisti) u utenti potenzjali tar-rota li wkoll jħaddnu listess opinjoni. Intervisti mal-korpi tal-Gvern rispettivi ssuġġerew bis-sħiħ li jkun hemm kunsens fit-titjib tal-istat preżenti. Allura hija verament kwistjoni ta’ ‘Cycling The Talk.’ Iż-żieda fl-użu tar-roti se jwasslu għal rata ta’ karbonju aktar baxxa u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu li jimmiraw l-SDGs 3, 11 u 13.