Aġġornata: #OccupyJustice ddiżappuntati bil-PM

Il-grupp ta' nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja qalu li jħossuhom diżappuntati li l-Prim Ministru offra li jiltaqa' magħhom fil-ħin li huma qalu kienu qed iżarmaw.
Aktar kmieni dalgħodu Muscat kien qed jitkellem ir-Rabat, meta qal li jista' jiltaqa' man-nisa meta jridu huma.
Madankollu saħqu li l-istedina tagħhom għadha miftuħa, u xejn mhu se jrattab id-determinazzjoni tagħhom fil-ġlieda għal dak li hu sewwa, għall-ġustizzja u għal soċjetà ugwali.
Temmew jirringrazzjaw lill-enitajiet li għenuhom biex din l-attività ssir possibbli: CSN, ADITUS, il-Fondazzjoni Integra, Gender Equality Malta, SOS Malta, Kopin, Platform u l-Istitut Kritiku. 
Irringrazzjaw ukoll lil kull min tahom affarijiet biex jgħaddu, u qalu li dak li kien jifdal għaddewh lil Dar Merħba Bik, il-bank tal-ikel fil-Knisja ta' Sant'Andrija, u lis-Sorijiet tal-Ursulini.
Aktar kmieni
Jidher li l-posts fuq Facebook min-naħa tas-Soċjetà Ċivili dwar il-protesta tal-lum qed jiġu imblukkati.
L-organizzaturi qalu fi stqarrija li l-materjal tagħhom mhux qed jitħalla jidher minħabba cyber attack, jiġifieri meta xi ħadd jew xi persuni jagħmlu l-ħsara fuq server jew sistema kkompjuterizzata biex jagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor.
Sadanittant, illum waqt il-protesta se jkunu qed jitkellmu Jacques Rene Zammit, Jurgen Balzan, Andrew Borg Cardona, Claudia Taylor East u  Josef Vella.
Id-dimostrazzjoni tibda fl-4pm f'GĦar id-Dud/ix-Chalet, u ser timxi lejn Triq Amery, Tas-Sliema, qrib fejn trabbiet Daphne Caruana Galizia.