Cutajar tirbaħ 2 libelli għax issejħet prostituta; “rebħa għal kull mara”

Is-Segretarja Parlamentari Rosianne Cutajar rebħet €800 f’dannu ta’ libell f’żewġ kawżi separati kontra żewġ persuni li sejħulha prostituta.

Cutajar fetħet dawn iż-żewġ kawżi kontra Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams talli f’kitbiet fuq Facebook, sejħulha prostituta.

Il-Maġistrat Rachel Montebello dalgħodu ordnat lil Leone Ganado jħallas €300 f’dannu lill-Membru Parlamentari fuq post li kiteb fl-20 ta’ Novembru, 2018. Fiha kien xerred artiklu dwar Cutajar li kien jgħid li meta kienet Sindku ta’ Ħal Qormi, il-Kummissarju tal-Pulizija kien intervjena biex iqabbiżha l-kju għall-vapur t’Għawdex. Il-post tiegħu kienet tgħid, “However, ĦAMALLI, prostitutes and call girls have a right to be represented in Parliament.”

Fil-kawża l-oħra, Leone Ganado stess u Rachel Williams ġew ordnati jħallsu €500 dwar Facebook post oħra, ippubblikata fit-30 ta’ Novembru, 2018. Il-post inkitbet minn Leone Ganado fuq il-profil ta’ Williams. Hija insistiet li saret mingħajr il-kunsens tagħha, imma l-Qorti nnutat kif Williams m’għamlet l-ebda sforz biex tiċċensuraha jew tneħħiha. Williams wieġbet ukoll xi kummenti fuq l-istess post.

Apparti l-ħlas li ordnathom jagħmlu, il-Maġistrat ordnat liż-żewġ persuni jneħħu dawn il-posts malafamanti fi żmien 48 siegħa.

Il-Qorti semmiet kif fuq l-internet sabet bloggs ta’ Daphne Caruana Galizia li fihom hija diskussa Cutajar tirriklama lilha nfisha bħala “hostess” fuq sit elettroniku Taljan taħt l-isem “Nuxellina.” Leone Ganado argumenta li fuq dan is-sit hemm diversi nisa parzjalment għarwenin, imma l-Qorti qalet li ma sabet l-ebda materjal ta’ din ix-xorta ta’ Cutajar.

Il-Maġistrat ikkjarifikat ukoll li t-terminu “hostess,” kif kien irriklamat fuq is-sit, ma jekwax għat-terminu “call girl.”

Godfrey Leone Ganado, fid-difiża tiegħu, qal li hu “perpless” kif dak li qal jista’ jitqies bħala malafama. Allega li l-enfasi fi kliemu kienet fuq il-kelma ħamalli, u mhux prostituta, u sostna li għalkemm peġġjorattiva, din mhix kelma malafamanti. Leone Ganado qal li ddeskrivieha bħala ħamalla għax meta jisma’ lil tliet kwarti tal-Membri Parlamentari, jinnota li “il-mod kif jitkellmu huwa mod assolutament ħamallu.” Il-Qorti sejħet dan l-argument wieħed fjakk.

Min-naħa tagħha, Cutajar qalet li ħassitha “imżebilħa bħala mara għaliex hija persuna li studjat, tgħallmet, taħdem u tagħti l-enerġija kollha tagħha biex tagħti servizzlil pajjiżha.” Leone Ganado qal li hu ried ifisser li hi prostituta politika, mentri Cutajar fissret li tħoss li ma kienx qed jgħid prostituta politika għax kieku kien jgħidha speċifikament. Hija ċaħdet li tirrappreżenta lill-prostituti fil-Parlament.

Il-Qorti ma sabet ebda prova li Cutajar aġixxiet “b’kondotta morali baxxa” jew “b’manjiera indiċenti jew promiskwu fuq livell sesswali.”

“L-ebda mara m’għandha taċċetta dan it-tip ta’ lingwaġġ”

Fir-reazzjoni publika tagħha fuq Facebook, Rosianne Cutajar qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti hija rebħa għal kull tfajla u għal kull mara.

Fissret li bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkonfermat “li mhux ġustifikabbli li tgħajjar mara ‘qaħba’ sempliċiment għax hi mara. Il-messaġġ hu ċar, l-ebda mara m’għandha taċċetta dan it-tip ta’ lingwaġġ.”

Illum il-Qorti tat rebħa lil kull tfajla u mara. Il-Qorti tat konferma f’żewġ sentenzi għall-kawżi li kont ftaħt…

Posted by Rosianne Cutajar on Thursday, September 24, 2020

Is-Segretarja Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar kienet rappreżentata mill-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.