Cutajar tikkundanna kliem omofobiku fil-konfront ta’ Angela Coleiro

Aġġornat 06:39 PM
Rosianne Cutajar and Angela Coleiro

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ikkundannat bla riserva l-kliem omofobiku, dispreġjattiv u sessist fil-konfront ta’ kandidata LGBTIQ+ tal-Partit Nazzjonalista, Angela Coleiro.

Coleiro għamlet id-debut tagħha fil-politika propju lbieraħ meta għamlet diskors qabel dak tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Coleiro kienet kritika fil-kliem tagħha fil-konfront tal-korruzzjoni relatata ma’ ftehimiet tal-Gvern bħal dawk ta’ Vitals u l-Electrogas fost oħrajn. Minn hemm, hi spiċċat esposta għal tgħajjir omofobiku u sessist. Hi l-ewwel mara trans li se tkun qed tikkontesta elezzjoni ġenerali fil-pajjiż fuq id-disa’ u l-10 distretti.

F’post fuq Facebook bħala risposta għal dan it-tgħajjir, Coleiro qalet li ddeċidiet li tkun pożittiva u tħares biss ‘il quddiem. Irrimarkat li rabbiet qoxra żmien ilu, u l-ebda transfobija, tgħajjir, jew intimidazzjoni mhu se jwaqqafha. Aktar tard, sostniet li l-persuni LGBTIQ+ m’huma ostaġġi tal-ebda partit jew gvern. Irrimarkat li mhi se tħalli l-ebda partit jużaha. Insistiet li għax partit introduċa xi drittijiet għal persuni LGBTIQ+, ma jfissirx li bħala persuna LGBTIQ+ għandha taqbel mal-kumplament tal-politika ta’ dak il-partit. “L-ebda partit m’għandu l-monopolju fuqna,” qalet hi.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar insistiet li r-rappreżentanti tal-Partit Laburista la qed jiggustaw lill-persuni li qed ikunu transfobiċi u lanqas qed jitbissmu. Irrimarkat li dan it-tip ta’ diskors la jagħmel ġieħ lill-PL u lanqas lill-Gvern li wettaq ħidma biex Malta taħdem favur ir-rispett lejn id-drittijiet ċivili.

Hi insistiet li hemm bżonn li tinqata’ l-ħaġa li persuni jgħajru lin-nisa li ma jaqblux magħhom “prostituta”. Insistiet li dan it-tgħajjir huwa disservizz kbir lejn dawk in-nisa li jaspiraw li jidħlu fil-politika.

F’Settembru li għadda, Cutajar rebħet €800 f’dannu ta’ libell f’żewġ kawżi separati kontra żewġ persuni li sejħulha prostituta. Cutajar fetħet dawn iż-żewġ kawżi kontra Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams talli f’kitbiet fuq Facebook, sejħulha prostituta.

Il-Partit Laburista wkoll ikkundanna dawn il-messaġġi omofobiċi fuq il-midja soċjali. Permezz ta’ post fuq Facebook, irrimarka li l-Partit ħadem ħafna biex idaħħal drittijiet ġodda għal kulħadd. Insista li d-dibattitu għandu dejjem isir fuq temi politiċi u mhux fuq livell personali jew fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun.

L-attakk ta’ intollerenza fuq Angela Coleiro sempliċiment għax hi trans – Puli

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli appella għar-rispett lejn id-dinjità umana u kkundanna l-attakk ta’ intolleranza li sar fuq il-kandidata Nazzjonalista Angela Coleiro “għax sempliċiment hi persuna trans”.

Puli kien qed jitkellem waqt it-tifkira li saret fil-Parlament illejla fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mit-twaqqif tal-UNESCO.

Huwa qal li t-tolleranza tibqa’ prijorità u fuqha trid issir ħidma kontinwa. Huwa spjega li l-UNESCO titkellem dwar il-paċi permezz tal-edukazzjoni, il-kultura u l-iżvilupp nazzjonali. Stqarr li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal ġustizzja soċjali.

Tkellmu wkoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi.

Rappurtaġġ mill-Parlament minn Paul Cachia