“Cutajar taf li ma messhiex għamlet negozju ma’ Fenech” – Bernard Grech

Bernard Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kienet taf li ma messiex ħadmet għal xi ħadd b’rabtiet mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu sejjaħ biex tirriżenja jew titkeċċa.

Dan wara l-allegazzjonijiet li dehru fit-Times of Malta u l-MaltaToday illum. Ir-rapporti jallegaw li Cutajar għandha trodd lura €46,500 li ħadet bħala miżata wara firma ta’ konvenju minħabba li l-propjetà mbagħad ma nbigħetx. Hi ma ddikjaratx dawn il-flus mal-kabinett.

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq NETFM, Grech tkellem fuq is-sens ta’ impunità, u semma kif hemm nies li jaħsbu li jista’ jkollhom relazzjoni fil-qrib wisq ma’ nies li qed jiġu investigati. Żied li fil-pożizzjoni pubblika tagħha, Cutajar kienet taf li ma messiex ħadmet għal xi ħadd b’dawn ir-rabtiet.

“Il-PM għandu ħafna x’jispjega” – Grech fuq Facebook

Intant fuq Facebook, Bernard Grech qal li l-Prim Ministru (PM) għandu ħafna x’jispjega dwar il-każ. Hu tenna li Cutajar trid tirriżenja jew titkeċċa, u li ħinha għandu jkun “iffukat biss fuq xogħolha bħala rappreżentanta tal-poplu”. Żied li l-PM irid jispjega wkoll jekk iddikjaratx dan id-dħul.

Illum sirna nafu li waqt ix-xogħol uffiċjali tagħha bħala Segretarju Parlamentari, Rosianne Cutajar tagħmilha wkoll ta'…

Posted by Bernard Grech on Sunday, December 20, 2020

“Robert Abela għażel li jibqa’ sieket” – PN

Fi stqarrija, il-PN qal li l-PM għażel li jibqa’ sieket fl-ewwel ċans li kellu wara li ġie żvelat il-każ. Il-partit sostna li bis-skiet tiegħu Abela ikompli jikkonferma li għalih kollox jgħaddi.

Grech tkellem ukoll fuq il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, li qed isejjaħ għal policy ġdida għal ħaddiema Maltin. Fakkar li sakemm il-Ministru kien għadu jmexxi JobsPlus, kien dak li għamel il-policy favur l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Qal li qed jieħu pjaċir però li l-Ministru qed jagħraf li żbalja, u sejjaħ biex naħdmu flimkien biex ikollna impjiegi u ekonomija ta’ kwalità.

Grech temm l-intervista billi qal li d-differenzi politiċi għandhom jiġu ċċelebrati għax huma li jħaddmu d-demokrazija, u sostna li l-messaġġ tal-Milied tiegħu hu li ma nattakawx persuni imma nattakaw dak li ma naqblux miegħu. Żied li Ġesù ġie fid-dinja għal kulħadd.