Cutajar qatt ma tkeċċa mis-servizz pubbliku – il-Gvern

Read in English.

Il-Gvern qal li Aldo Cutajar, li lbieraħ inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mal-ħasil tal-flus, qatt ma kien tkeċċa mis-servizz pubbliku fejn saħansitra ħadem f’diversi Ministeri.

Fi stqarrija wara dak irrappurtat ilbieraħ dwar ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, il-Gvern ħareġ kjarifika li fiha qal li tal-bieraħ ma kinitix l-ewwel offiża kontra l-liġi. Fl-2004 tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi, fost oħrajnmeta dakinhar kien Prinċipal Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.

Iżda l-gvern ikkjarifika li Cutajar qatt ma ġie mkeċċi mis-servizz pubbliku u għalhekk ma setgħax “reġa’ ddaħħal” meta ħuh sar is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Fl-2005, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront ta’ Aldo Cutajar titneħħa skont kif iddikjarat il-Qorti aktar kmieni dik l-istess sena. Il-Kummissjoni qalet li Cutajar għandu jitlef il-paga miżmuma matul is-sospesjoni u jingħata twissija. Il-Gvern qal li kien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li ffirma l-istess sdikjarazzjoni fl-1 ta’ Lulju 2005.

Is-Servizzi tas-Sigurtà taw il-clearance biex Catuajar jaħdem fl-ambaxxati

Fl-istess stqarrija, il-Gvern qal li fis-17 ta’ Awwissu 2016, Aldo Cutajar intbagħat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn kien jaħdem dak iż-żmien, fl-Ambaxxata Maltija f’Beijing. Intqal li dan il-pass sar wara li l-Ministeru rispettiv talab u ngħata l-clearances kollha meħtieġa mis-Servizz tas-Sigurtà

Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bagħat lis-Sur Aldo Cutajar fil-Konsulat Malti f’Shanghai. Din il-kariga intemmet fis-7 ta’ Settembru 2019.