Cutajar tipproponi li l-Gvern jistudja l-iżvilupp ta’ aġenzija tal-manteniment

Josianne Cutajar, kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, ipproponiet bidla fis-sistema preżenti li tissorvelja l-għoti ta’ manteniment.

Fil-preżent, waħda mill-pieni li tiġi applikata fi proċeduri kriminali f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment hi l-piena ta’ priġunerija. Skont Cutajar, f’każijiet li l-persuna mibgħuta l-ħabs titlef xogħolha, dan mhuwiex rimedju effettiv għax jista’ jwassal għall-faqar.

F’attività politika fil-Mosta, hija qalet li trid li s-sistema tkun tgħin lill-individwu jikseb indipendenza finanzjarja u mhux tikkastigah meta jkun ħati biss.

Cutajar proponiet li l-Gvern jistudja l-iżvilupp ta’ aġenzija tal-manteniment, li tieħu ħsieb l-immaniġjar tal-manteniment u proċeduri legali relatati. Dr Cutajar spjegat kif din l-aġenzija  tista’ tgħin lil ħafna nies li jaqtgħu qalbhom minn proċeduri legali li jieħdu ż-żmien u jiswew il-flus, kif ukoll lill-vittmi f’relazzjonijiet abbużivi li jibżgħu jħabbtu wiċċhom mal-aggressur.

Hi temmet tgħid li jekk tkun MEP, trid taħdem prinċiparjament fuq temi soċjali, kontra l-esklużjoni,  u n-nuqqas li jsofru ċertu nies minħabba ċirkostanzi u esperjenzi differenti.