Cutajar jitlob ruling dwar dikjarazzjoni tal-Ministru Farrugia

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar talab lill-Ispeaker għal ruling dwar li fi kliemu l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia allega li żvija lill-kamra tad-deputati meta qal li l-kunsill lokali tan-Naxxar jaqbel mal-pjanijiet il-ġodda tal-proġett tal-impjant tar-riċiklaġġ fil-Magħtab.

Fi tweġiba, il-Ministru Farrugia qal li f’laqgħa li kellu mal-kunsill tan-Naxxar kien hemm qbil li l-proġett jitnaqqas minn 279,000sqm għal 82,000sqm u l-iskart jinbidel f’riżors u ma jibqax jintradam fl-Għallies.

Fi stqarrija, il-kunsill lokali tan-Naxxar ċaħad li ħa jew esprima pożizzjoni dwar dan mal-Ministru. Il-Kunsill qal li wara l-laqgħa li kellhom mal-Ministru Farrugia, qabel b’mod unanimu li, qabel ma jaslulu d-dokumenti formali, il-Kunsill ma jiħux pożizzjoni dwar dan. Sal-lum id-dokumenti għadhom ma waslux, temmet tgħid l-istqarrija.

Lanqas il-Gvern mhu ‘l fuq mill-liġi – PN

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li mill-bieraħ waqaf ix-xogħol kollu fit-toroq tal-pajjiż, bl-iskuża tkun li m’hawnx fejn jiġi mormi l-materjal tal-kostruzzjoni.

Il-kelliema tal-PN, David Thake u Toni Bezzina qalu li lbieraħ fil-Parlament waqgħet il-maskra tal-Gvern meta l-Ministru Aaron Farrugia stqarr li mhux minnu li m’hawnx fejn jintrema materjal tal-kostruzzjoni, “iżda l-Gvern li hu stess jifforma parti minnu ma jridx iħallas il-prezz tas-suq għar-rimi ta’ dan il-materjal kif jagħmel kull ċittadin komuni”.

Sostnew li jidher li l-Ministru Ian Borg qed jipprova jżomm lill-pajjiż ostaġġ sabiex tgħaddi x-xewqa tiegħu li jarmi l-iskart il-baħar. “B’dan il-mod jgħatti l-inkompetenza li wera meta lanqas jidher li kien kapaċi jagħmel budgeting serju dwar l-ispejjeż meħtieġa sabiex jiddisponi mill-iskart li ħoloq hu stress”, żiedu jgħidu.

Is-sidien tal-barrieri jingħataw eżenzjoni tat-taxxa – Gvern

Sadattant, il-Ministeru għall-Ambjent ħareġ stqarrija li tgħid li flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), huwa ħadem fl-aħħar ġimgħat biex joħroġ bi pjan li permezz tiegħu jiġi regolat is-suq tal-barrieri u tal-iskart tal-kostruzzjoni.

L-eżerċizzju sar permezz ta’ laqgħat individwali ma’ numru kbir ta’ sidien tal-barrieri kif ukoll mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA). Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru u l-ERA waslu għal ftehim mal-MDA li s-sidien jingħataw eżenzjoni ta’ taxxa li biha jiġu ntaxxati 5% biss bil-kundizzjoni li jilqgħu l-materjal bi €12 kull tunellata.

Dawn il-miżuri se jgħinu biex l-ERA tibda minnufih taħdem biex tirregola din l-industrija u biex jiddaħħlu prattiċi u impjanti għar-riċiklar. Hawn ukoll se ssir ħidma biex il-ġebla tiġi użata iktar minn darba taħt il-kunċett ta’ reduce, reuse, recycle.

Miżura oħra se tkun li fil-proċess ta’ commencement notice fil-proċess ta’ permessi ta’ żvilupp, irid ikun identifikat is-sit ta’ fejn se jintrema l-iskart mill-iżviluppatur. Kundizzjonijiet f’kuntratti għall-użu tal-barrieri, f’permessi ta’ operat u ta’ użi se jkunu skrutinati u infurzati mill-entitajiet responsabbli b’kordinament bejniethom.