Cuschieri ma jgħidx għaliex m’għadux Ambaxxatur għall-Italja

Facebook - Joseph Cuschieri

Read in English.

Joseph Cuschieri ma qalx għalfejn mhux se jkun qed iservi bħala l-Ambaxxatur Malti għall-Italja.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Cuschieri. Dan biex jiġi mistoqsi għalfejn mhux se jkun l-Ambaxxatur wara li ġie nominat għal din il-kariga madwar erba’ xhur ilu.

Fit-13 ta’ Marzu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li Carmel Vassallo kien qed jistenna biex jinħariġlu l-agrément biex issir Ambaxxatur fl-Italja. Vassallo mistenni jkun l-Ambaxxatur ġdid flok Cuschieri.

It-Times of Malta qalet li Cuschieri mar Ruma qabel ma kellu konferma tal-ħatra tiegħu. Dan kontra protokolli normali.

Newsbook.com.mt għamel ukoll kuntatt ma’ kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet li talab biex il-mistoqsijiet isiru bil-miktub.

“Is-Sur Cuschieri beda l-posting tiegħu bħala Ambassador-Designate għall-Italja wara li rċieva l-agrément mill-Gvern Taljan u fuq struzzjoni uffiċċjali mill-Ministeru. Hija prerogattiva tal-Gvern li jiddeċiedi dwar meta jaħtar jew ibiddel Ambaxxatur, skont l-eżeigenzi. L-Ambaxxatur Carmel Vassallo se jkun qed jieħu post l-Ambaxxatur Joseph Cuschieri,” qal kelliem għall-Ministeru.

Fl-2008 Cuschieri kien ċeda s-siġġu tiegħu li kellu fil-Parlament Maltli lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Ir-ritratt prinċipali tal-profil ta’ Facebook ta’ Cuschieri hemm ritratt ta’ Muscat u Cuschieri f’tgħanniqa.

L-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma hija magħrufa bħala waħda mill-aktar ambaxxati importanti li għandha l-gżira.

L-aġent Chargé d’Affaires huwa Clint Borg.

Cuschieri serva bħala MEP bejn l-2011 u l-2014.

Gaffe Diplomatiku

Skont it-Times of Malta Cuschieri kien involut f’gaffe diplomatiku f’Marzu. Dan peress li qal fuq Facebook li kien se joffri l-paga tiegħu ta’ dak ix-xahar lild-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Taljana.

Sorsi diplomatiċi tal-gazzetta qalu li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja qies il-ġest ta’ Cuschieri bħala “bad taste”.

Cuschieri kien ingħata kariga bħala l-Ambaxxatur f’Ateni fl-2015. Dan meta ma kellux esperjenza diplomatika preċedenti.