Cruise liners fl-Amerika sospiżi sal-15 ta’ Settembru

L-Assoċjazzjoni tal-Cruise Lines Internazzjonali qalet li l-membri tagħha qed jissosspendu l-ħidma tagħhom minn portijiet Amerikani sal-15 ta’ Settembru li ġej. Il-membri tagħha jinkludu Royal Caribbean, Carnival u Norwegian Cruises.

Din l-aħbar mill-akbar linji ta’ cruises fid-dinja tmur oltre mir-regola ta’ bħalissa li ma jsiru l-ebda cruises fl-Amerika sal-24 ta’ Lulju. L-Assoċjazzjoni qalet li għalkemm kienu qed jittamaw li jerġgħu jibdew l-attività ekonomika tagħhom kemm jista’ jkun malajr wara dik id-data saħqu li qed issir dejjem aktar ċara l-bżonn ta’ aktar ħin biex jissolvew l-astakli tal-pandemija fl-Istati Uniti.

L-industrija tal-cruiseliners intlaqtet ħafna mill-pandemija. Fl-aħħar jiem l-ishma f’dawn il-kumpaniji tal-cruiseliners niżlu bejn 5% u 6%. Fl-1 ta’ Mejju, il-Kungress Amerikan fetaħ inkjesta fil-kumpanija Carnival Cruises għal mod kif irreaġixxit għall-coronavirus. L-Awstralja fetħet ukoll investigazzjoni simili.