Cruise liner reġistrat Malta jolqot erba’ jottijiet

Cruise liner twil 164 metru u reġistrat Malta laqat erba’ jottijiet lussużi waqt li kien qed jipprova jidħol fil-port ta’ Dartmouth f’Devon, ir-Renju Unit.

Xhieda rrappurtaw li raw is-sidien tal-jottijiet jiġru minn fuqhom, lebsin il-piġama, hekk kif raw il-cruise liner ġej għal fuqhom, waqt li kienu marbutin fil-bajja. Il-cruise liner kien qed jinġibed mill-pilota tal-port.

Ritratti juru l-mument li Sage Pearl II ħakk eżatt minn mad-dgħajjes ferm iżgħar waqr li pprova jidħol fil-port. Ġie rappurtat li l-jottijiet kellhom ħsara superfiċjali u ħadd ma weġġa’ fl-inċident.  

Hu mifhum li sar kuntatt mas-sidien tal-jottijiet biex ikun stabbilit xi ħsara saret filwaqt li saret inkjesta biex ikun magħruf x’wassal għall-każ u x’lezzjonijiet jistgħu jittieħdu. Is-Saga Pearl II qiegħda fl-aħħar staġun tagħha biex tilqa’ cruises madwar ir-Renju Unit, Franza u Spanja. Il-cruise liner jesa’ massimu ta’ 449 passiġġier u 220 membru tal-ekwipaġġ.