Criscito kien fuq il-pont ta’ Morandi ftit qabel ikkrolla

Id-difensur ta’ Genoa Domenico Criscito ħabbar li kien fuq il-pont ta’ Morandi 10 minuti biss qabel ikkrolla u wassal għal mewt ta’ 35 persuna. Il-plejer ta’ 31 sena tella’ vidjo fuq Instagram fejn juri li kien qed jaqsam minn fuq il-pont b’karozza. Wieħed mit-torrijiet tal-pont ikkrolla lbieraħ filgħodu waqt li kienet nieżla xita qalila. Criscito kiteb, “Qed nikteb dan il-messaġġ għal dawk kollha li qed jiktbuli għax inkwetati għalija u għal familti. Kollha kemm aħna ninsabu tajbin, anke jekk qsamna minn fuq dak il-pont 10 minuti qabel ikkrolla.”

Criscito mar lura ma’ Genoa f’Mejju wara 7 snin ma’ Zenit St. Petersburg fir-Russja u lagħab 24 darba mat-tim nazzjonali Taljan.