Krimea: Eluf jistennew biex jiksbu l-passaport Russu

Fil-Krimea eluf ta’ persuni inġabru fi kjuwijiet twal sabiex japplikaw għall-passaport Russu. Wara r-riżultat tar-referendum ta’ ġimgħa ilu fejn il-maġġoranza vvutat favur li r-Russja tieħu f’idejha r-reġjun, illum il-poplu tal-Krimea qam bi ħġaru sabiex jikseb il-passaport tar-Russja.

Fil-belt ta’ Sevastopoli, ġie rrapurtat li kien hemm stennija twila minn nies quddiem l-uffiċju tal-passaporti u quddiem il-ħwienet biex jieħdu r-ritratt tal-passaport.

Intant f’iktar żviluppi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov ikkundanna s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq ir-Russja u sejjħilhom illegali. B’ton ironiku, il-President Russu Vladimir Putin qal li bi ħsiebu jiftaħ kont bankarju fil-Bank li kien milqut mis-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti.

Din id-dikjarazzjoni qed tkompli tindika li fil-ġranet li ġejjin ir-Russja mistennija tirribatti bil-forza, is-sanzjonijiet imposti.