Cowell irid lura lil Dannii Minogue!

Għaddew kważi 10 snin minn mindu Dannii Minogue dehret fil-programm X Factor bħala ġurat u fl-aħħar sigħat ħarġu rapporti li Simon Cowell iridha lura għall-edizzjoni li jmiss, li se tkun edizzjoni rfinata minn fuq l-aħħar snin.

Dan wara li Robbie Williams u martu Ayda Feyd ħabbru li mhux se jkunu qed jirritornaw għall-edizzjoni li jmiss ta’ dan il-programm.

Għalhekk, it-tim wara dan il-programm qed ifittxu lil xi ħadd li jsita’ jgħin jerġa jattira l-udjenza ta’ 19.4 miljun li l-aħħar edizzjoni kellha u qed jittamaw li jintlaħaq ftehim ma’ Minogue, li fiż-żmien li kienet tagħmel parti minn The X Factor, kienet intlaqgħet tajjeb kemm mis-segwaċi kif ukoll mill-membri l-oħra tal-panel tal-ġurija.

Skont rapporti li għadhom kif ġew ippubblikati fil-midja, Minogue qed tiġi offruta s-salarju ta’ £300,000.

Tul l-aħħar snin, Dannii kienet qed tgawdi trabbi lil binha Ethan, li għandu disa’ snin, kif ukoll tivvjaġġa bejn l-Awstralja u Los Angeles flimkien mas-sieħeb tagħha Adrian Newman.

Iżda f’Jannar li għadda rritornat fuq it-televiżjoni permezz tal-programm Let It Shine fuq il-BBC, li kiseb suċċess kbir, tant li kellu madwar 40,000 elf telespettatur aktar mill-programm rivali The Voice UK, li kien qed jixxandar fl-istess ħin fuq l-istazzjon ITV.

Madanakollu ma hemm l-ebda konferma jekk Minogue aċċettatx jew le din l-offerta!