COVID-2019: Fi kwarantina l-Maltin li kienu fuq cruiseliner

Read in English.

Iż-żewġ Maltin li kienu fuq il-cruiseliner MS Westerdam, qed jinżammu fi kwarantina bħala miżura ta’ prekawzjoni. Dan ħareġ fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa llum.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li qed isegwu s-sitwazzjoni b’relazzjoni mal-COVID-2019 (coronavirus). Iż-żewġ Maltin kienu passiġġiera fuq il-cruise liner li għamel 11-il jum jiġi rrifjutat port minn ħames pajjiżi differenti. Dan sakemm il-vapur tħalla jitrakka fil-Kambodja l-Ħamis li għadda.

Fl-istqarrija ġie spjegat li ż-żewġ Maltin għaddew minn screening mal-wasla tagħhom f’Malta. Huma ma kienu qed juru l-ebda sintomi ta’ mard respiratorju. Minkejja dan, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika qed iżommu liż-żewġ Maltin taħt kwarantina bħala prekawzjoni.

Din l-istqarrija ġiet hekk kif passiġġiera Amerikana li kienet fuq l-istess cruise liner ħareġ li kienet infettata bil-virus. Il-mara li għandha 83 sena kienet l-ewwel persuna li ħareġ li kienet infettata b’dan il-virus fuq il-vapur. It-testijiet tagħha rriżultaw fil-pożittiv fil-Malażja nhar il-Ġimgħa. It-testijiet sarula għat-tieni darba f’Kuala Lumpur illum fejn ir-riżultati reġgħu ħarġu fil-pożittiv.