COVID-2019: Ċentru f’Ħal Luqa għat-testijiet għal min ġej minn post riskjuż

Read in English.

Ġie armat ċentru f’Ħal Luqa fejn persuni li jaslu Malta minn postijiet meqjusa bħala ta’ riskju għat-tixrid tal-marda COVID-19 jiġu eżaminati, skont il-Ministru Chris Fearne.

F’Malta ma ġie reġistrat l-ebda każ tal-COVID-19 (il-coronavirus miċ-Ċina) iżda żewġ persuni qed jinżammu taħt kwarantina bħala miżura ta’ prekawzjoni. Dan qalu l-viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fi stqarrija ministerjali fil-parlament.

Fearne qal li ż-żewġ Maltin kienu abbord il-cruiseliner MS Westerdam u niżlu l-Kambodja. Huma ġew eżaminati għall-coronavirus mal-wasla tagħhom f’Malta.

Huwa qal li l-Awtorità tas-Saħħa armaw ċentru f’Ħal Luqa fejn persuni li jaslu Malta minn postijiet meqjusa bħala ta’ riskju għat-tixrid tal-virus jiġu eżaminati. Ir-riżultati tat-testijiet qed jingħata f’ħin ta’ sagħtejn.

Min-naħa tiegħu, l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kura fil-Komunità u s-Saħħa Mentali, Mario Galea reġa’ lissen il-fiduċja assoluta tal-Oppożizzjoni, fit-tim ta’ mediċi li qegħdin iħejju l-preparamenti meħtieġ fl-eventwalità li l-virus jitfaċċa f’Malta.

Galea qal li fid-dawl ta’ dak li kien ġara fl-2009 bit-tixrid tal-virus H1N1, l-Gvern għandu jipprenota l-konsenja tal-vaċċin minn ferm qabel biex Malta ma tibqax b’xejn biex meta dan jiġi żviluppat peress li d-domanda għalih se tkun għolja.

Maltin fuq il-MS Westerdam

Iż-żewġ Maltin li kienu fuq il-cruiseliner MS Westerdam, qed jinżammu fi kwarantina bħala miżura ta’ prekawzjoni.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li qed isegwu s-sitwazzjoni b’relazzjoni mal-COVID-2019 (coronavirus). Iż-żewġ Maltin kienu passiġġiera fuq il-cruise liner li għamel 11-il jum jiġi rrifjutat port minn ħames pajjiżi differenti. Dan sakemm il-vapur tħalla jitrakka fil-Kambodja l-Ħamis li għadda.

Missjoni ta’ esperti tal-Organizazzjoni Dinjija tas-Sahha (WHO) waslet fiċ-Ċina biex tipprova ssib tarf il-Coronavirus.

Dan hekk kif il-marda kompliet tinfirex u l-imwiet fil-provinċja Ċiniza ta’ Hubei – il-post fejn feġġ il-virus – issa qabżu l-1,700 persuna. Il-każi ta’ infezzjonijiet konfermati tal-Coronavirus fiċ-Ċina, skont l-aħħar ċifri tal-awtoritajiet lokali issa huma ta’ aktar minn 70,000 persuna.