Covid-19: Tiħrax is-sitwazzjoni fl-Istati Uniti

covid1
Credit - Tmaximumge

Kważi żewġ terzi tal-Istati Amerikani jinsabu klassifikati bħala żoni ta’ periklu minħabba l-imxija tal-coronavirus u sitta minnhom, fosthom l-Istat ta’ Wisconsin, irreġistraw rekord ta’ żidiet fl-imwiet.

L-imwiet bil-coronavirus laħqu livelli rekord fil-Ħawaii, Kansas, Iowa, Minnesota, Montana u b’mod partikolari f’Wisconsin, fejn il-Gvernatur ta’ dan l-istat ħabbar il-bidu tal-operazzjonijiet ta’ sptar fil-miftuħ fis-subborg ta’ Milwaukee.

“Jekk jogħġobkom ibqgħu d-dar”, qal Evers. “Għinuna nipproteġu l-komunitajiet tagħna minn dan il-vajrus kuntaġġjuż biex nevitaw aktar pressjoni fuq l-isptarijiet tagħna”.

Madankolu, il-President Donald Trump baqa’ jopponi l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet, u insista li l-irkupru ekonomik jiddependi fuq kemm in-nies ikunu jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali. Fuq livell nazzjonali, il-każijiet ilhom jiżdiedu għal dawn l-aħħar ħames ġimgħat, u issa fil-medja qed ikun hemm 60,000 każ kuljum fl-aħħar sebat ijiem, meta mqabbel ma’ 35,000 każ kuljum sa nofs Settembru.

Esperti tas-saħħa pubblika Amerikana wissew li t-tneħħija tal-politika dwar id-distanzjament soċjali u l-ippolitiċizzar tal-ilbies tal-maskri se jwassal għal żieda fl-infezzjonijiet. Bħall-Ewropa, iż-żieda fil-każijeit qed tpoġġi pressjoni qawwija fuq l-isptarijiet.