Covid-19: Il-WHO mħassba bis-sitwazzjoni fl-Ewropa

Anxiety-and-COVID-19

Read in English.

Il-każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja qabżu t-30 miljun, skont kalkoli li saru fuq tagħrif uffiċjali provdut mill-pajjiżi differenti. Iżda l-Ewropa huwa l-kontinent li l-aktar qed iħasseb lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. 

“Ninsabu f’sitwazzjoni gravi ħafna fejn il-każijiet ġodda issa huma aktar minn dawk li rajna fl-ewwel fażi tal-pandemija f’Marzu”. Dan qalu Hans Kluge, id-Direttur Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa. 

“Nofs il-pajjiżi Ewropej raw żieda ta’ aktar minn 10% fl-aħħar ħmistax, filwaqt li f’seba’ pajjiżi l-każijiet irduppjaw”, żied jgħid Kluge waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali.

Huwa spjega li dawn in-numri jirrappreżentaw “andament allarmanti” u li għandhom “iservu biex jiftħu għajnejn kulħadd” dwar is-serjetà tas-sitwazzjoni.

Intant, tħabbar li l-vaċċin ta’ Moderna, jekk ikun approvat, se jkun disponibbli sa Novembru u l-kumpanija se tkun tista’ tipprovdi 100 miljun doża lill-Gvern Amerikan fl-ewwel xhur tal-2021. Dan qalu Stephane Bancel, amministratur ta’ Moderna.