Covid-19: “Kull mewt li ġarrabtu intom telfa kbira għall-poplu kollu” – Fearne

"Dan hu virus serju u x-xhur tax-xitwa mhux se jkunu ħfief"

Chris-Fearne-Budget
Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kull mewt minħabba l-Covid-19 hija traġedja u l-għan ta’ kull min jaħdem fil-qasam tas-saħħa hu li jbiegħed il-mewt ‘il bogħod kemm jista’ jkun, iżda ċ-ċirkustanzi tal-coronavirus jagħmlu l-mewt u l-firda iktar diffiċli. Hu sellem qrabat il-vittmi u qal li “kull mewt li ġarrabtu intom hija telfa għall-poplu Malti kollu.”

Waqt li kien qed jagħmel stqarrija ministerjali fil-Parlament dwar il-qagħda tal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta, il-Ministru Fearne qal li jekk l-iżvilupp fil-qasam tal-ittestjar għall-vaċċin ikompli għaddej bir-ritmu mgħaġġel, il-vaċċin jista’ jkun Malta fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Huwa qal li l-coronavirus hu virus serju u x-xhur tax-xitwa mhux se jkunu ħfief. “Il-vaċċin tal-Covid-19 mhux ‘il bogħod, qed nitkellmu fuq xhur u mhux snin. Ġej il-Milied, ejja nkunu responsabbli u dak li ma nistgħux nagħmluh barra, ma jsirx ġewwa. Jekk Alla jrid f’Jannar ikollna l-vaċċin u d-dinja toħroġ minn din il-pandemija darba għal dejjem,” hu stqarr.

L-aħħar mewta bil-coronavirus
Tmut anzjana bil-coronavirus

It-tilqima tal-influwenza

Fearne qal li fl-ewwel ġimgħa mindu bdiet tingħata t-tilqima tal-influwenza kien hemm 100,000 persuna li tlaqqmet, rekord fejn dan in-numru ma kienx jintlaħaq f’sitt xhur fis-snin imgħoddija. Huwa qal li se jinġiebu 150,000 tilqima oħra li se jingħataw b’mod gradwali biex is-sistema ta’ immunità tal-komunità tibqa’ b’saħħitha għal numru ta’ xhur. “Jekk dawn jingħataw f’daqqa, l-immune system tiddgħajjef f’temp ta’ 4 xhur,” spjega l-Ministru.

Il-Ministru deher ftit nervuż waqt il-qari tal-istqarrija tant li f’punt minnhom dar fuq id-Deputat Nazzjonalista Theresa Comodini Cachia u qalilha “Għidli, biex qed tidħaq? Missek tistħi twaqqa’ għaċ-ċajt lill-ħaddiema. Dan l-apparat xtrajnieh biex nipproteġu l-ħaddiema!” Id-Deputat Prim Ministru deher idur fuq id-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara u jgħaddilha xi kummenti sakemm waqqfu l-Ispeaker Anġlu Farruġia.

Huwa qal li s-sitwazzjoni preżenti hi differenti minn dik tal-bidu tal-pandemija hekk kif ninsabu fuq l-għatba tax-xitwa u mhux fir-rebbiegħa, iżda l-għarfien tagħna dwar il-coronavirus hu ferm aħjar minn dak li qatt kien. Huwa qal li bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex sal-aħħar tax-xahar jibda r-rapid testing.

Huwa qal li l-evalwazzjoni għal rapid testing qed issir ma’ seba’ kumpaniji u jingħażel l-aħjar prodott u jibda jintuża sal-aħħar t’Ottubru. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-każijiet tegħlin b’ritmu mgħaġġel mal-Ewropa kollha u mhux biss f’Malta.

Il-każijiet tal-lum
134 każ ġdid tal-coronavirus

“Il-PM tefagħna l-baħar” – Il-Kap ta-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li fil-bidu kollox kien sejjer ħarir sakemm ħa r-riedni f’idejh il-Prim Ministru fejn “tefagħna l-baħar.” Huwa qal li l-Prim Ministru kejjel is-suċċess tal-ġlieda kontra l-imxija għax “ma mitux l-eluf.” Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru jidher li ma tgħallimx mill-iżbalji tiegħu, fid-djar tal-anzjani għadu mhux magħruf is-sitwazzjoni u l-miżuri li suppost ittieħdu.

Il-Kap tal-PN qal li importanti li jieqaf l-indħil tal-Prim Ministru; il-pajjiż ma jistax jibqa’ jiżbalja għax iħalli riperkussjonijiet oħra fosthom fuq is-serħan il-moħħ tan-nies.

Hu sellem lill-frontliners li baqgħu jaħdmu minkejja r-riskji fis-saħħa u l-ħaddiema f’oqsma oħra bħal pulizija, wardens, pustiera, negozju, bankiera, għalliema, sewwieqa u oħrajn. Huwa qal li dawn kollha taw is-sehem tagħhom biex Malta baqgħet għaddejja.

Grech qal li l-Gvern kien obbligat li jserraħ ras in-nies billi jgħidlihom l-verità. Hu sellem lill-vittmi li mietu u lil qrabathom li ġarrbu telfa.

Hu temm jgħid li ħadd ma refa’ responsabbiltà politika.