Covid-19: Inweġġgħu meta l-imwiet tal-anzjani jiġu ġġustifikati “għax għandhom l-età” – pensjonanti

Read in English.

Il-President tal-Għaqda Pensjonanti Louis Cilia qal li meta tmut persuna anzjana li tkun pożittiva għall-COVID-19, persuni anzjani oħra jweġġgħu għax iħossu li toħloq diskrimazzjoni u ttellef l-importanza tal-pandemija fuq l-anzjani. Hu qal dan waqt intervista fuq 103FM Malta’s Heart minn Jes Saliba fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani.

Cilia qal li l-coronavirus huwa virus li ħadd ma kien iltaqa’ miegħu qabel. Huwa spjega li m’hemmx għalfejn ikun hemm pandemija għax anke sempliċiment influwenza, ħafna drabi l-ewwel vittmi huma l-anzjani. Żied li ħafna drabi persuni anzjani jkollhom xi kundizzjonijiet oħra li jkomplu jikkumplikaw is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom, iżda jweġġgħu meta titħabbar mewt ta’ anzjan u jgħidu li kellu kundizzjonijiet tas-saħħa ulterjuri.

Cilia spjega li b’dan il-kliem wieħed qisu qiegħed jgħid li llum jew għada dawn il-persuni kienu se jmutu xorta. Waqt l-intervista Louis Cilia qal li dak li jkun ma jimpressjonax ruħu għax miet persuna anzjana u dan mhux l-istess għal meta jmut persuna żagħżugħa. Cilia spjega li dan mhux iġġustifikat għax sempliċiment għandu l-età. Cilia qal li b’dan l-aġir l-anzjani jħossuhom mhux importanti.

Importanti li kull anzjan jagħmel il-parti tiegħu – Il-Veterani tal-PL

Il-veterani tal-Partit Laburista fi stqarriija qalu li l-anzjani għandhom jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jissalvagwardjaw saħħithom.

Fl-okkażjoni tal-Jum internazzjonali tal-Anzjani, il-president tal-Għaqda Veterani tal-Partit Laburista, Dr Anthony DeGiovanni qal li r-riskji tal-persuni avvanzati fl-età jikbru meta tfaqqa’ xi pandemija bħal-COVID-19. Huwa żied li l-interventi amministrattivi u inizjattivi f’waqthom għandhom jixprunaw l-għarfien tal-bżonnijiet partikolari tal-anzjani.

Hu rringrazzja s-sehem tal-ħaddiema kollha ta’ kull grad u professjoni li jaħdmu fis-setturi kollha tal-kura soċjali u tas-saħħa li huma essenzjali biex il-persuni ta’ età avvanzata jkollhom l-aqwa kwalità tal-ħajja.

L-anzjani huma l-bennejja ta’ Malta moderna – GWU

Il-GWU Għaqda Pensjonanti fi stqarrija fil-Jum Internazzjonali tal-Anzjani sellmet lill-anzjani kollha. L-Għaqda qalet li l-Anzjani huma l-bennejja ta’ Malta moderna u ħadmu għal diversi kundizzjonijiet li l-poplu għadu jgawdi l-frott tagħhom sal-lum. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm ġimgħa ta’ 40 siegħa ta’ ħidma, ħlas għas-sahra u ħlas għal mard fost l-oħrajn.

Fl-istqarrija awguraw lill-anzjani kollha u wiegħdu li se jkomplu jaħdmu għal-ġid tal-anzjani Maltin u Għawdxin