Covid-19: Il-plenarja tal-UE għal Brussell għax Strasburgu ddikjarat perikoluż

Il-plenarja tal-Parlament Ewropew se ssir fi Brussell minflok fi Strasburgu billi l-belt Franċiża ġiet iddikjarata żona ħamra minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dan tħabbar mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fi stqarrija.

Intqal li l-Parlament għamel dak kollu li seta’ biex jerġa’ lura għan-normal, minkejja l-pandemija, iżda issa li Strasburgu ġie ddikjarat post perikoluż għall-imxija tal-virus, il-Parlament se jkollu jmexxi l-plenarja għal Brussell fil-Belġju. Il-plenarja se ssir bejn l-14 u s-17 ta’ Settembru.

Huwa qal li filwaqt li huma diżappuntanti b’din l-aħbar, iridu jikkunsidraw li t-trasferiment tal-amministrazzjoni tal-Parlament minn Brussell għal Strasburgu, kieku jirrikjedi li l-ħaddiema mbagħad jagħmlu kwarantina meta jirritornaw fi Brussell.

Sassoli temm jgħid li huwa grat għall-koperazzjoni u l-għajnuna li qed isib f’dan iż-żmien diffiċli.