Covid-19: Il-Ġermanja tintroduċi testijiet mandatorji fl-ajruporti

REUTERS/Kai Pfaffenbach

Read in English.

Il-Ġermanja introduċiet testijiet mandatori ġodda għall-coronavirus għal kull min jidħol fil-pajjiż minn żoni meqjusa bħala riskjużi. Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet li dawn ir-regoli se jidħlu fis-seħħ min-nhar it-Tnejn.

It-testijiet se jkunu bla ħlas u għandhom l-iskop li jnaqqsu l-imxija ta’ infezzjonijiet hekk kif l-istaġun tal-vaganzi jilħaq il-qofol tiegħu.

Intant, l-ajruport ta’ Tegel f’Berlin beda mill-bieraħ testijiet fqu skala kbira, bħala parti mit-tħejjijiet biex mill-ġimgħa d-dieħla dan isir obbligatorju.

Għalissa tħejjew żewġ kmamar, iżda kelliema għall-ajruport qalet li kien qed jitħejja spazju ferm akbar filwaqt li indikat li l-awtoritajiet qed iħejju biex l-ittestjar idum għaddej għal żmien twil.

Żieda fl-infezzjonijiet madwar l-Ewropa xejjen it-tamiet tal-linji tal-ajru u d-destinazzjonijiet turistiċi bħal Spanja għal ritorn pjuttost veloċi lejn it-turiżmu tal-massa wara xhur ta’ lockdown.

Ajruporti bħal dak ta’ Frankfurt, l-ikbar wieħed fil-Ġermanja, kienu diġà qed joffru testijiet lill-passiġġieri.

Aktar kmieni dil-ġimgħa il-Kap tas-Saħħa Pubblika uża kliem iebes fil-konfront tal-pubbliku għan-nuqqas ta’ dixxiplina fir-rispett ta’ prattiċi ta’ distanzjament soċjali u l-użu tal-maskri, metodi li jistgħu jnaqqsu l-imxija ta’ din il-marda fin-nuqqas ta’ vaċċin.

In-numru ta’ każijiet ġodda rdoppja nhar it-Tlieta għal 633, u 684 l-Erbgħa, għal total ta’ kważi 207,000 każ u ftit aktar minn 9,100 mewt.

Ilbieraħ, il-Ministru responsabbli mir-riċerka Anja Karliczek wissiet lill-pubbliku li vaċċin li jista’ jitqassam fuq skala nazzjonali ma jistax ikun disponibbli qabel nofs is-sena d-dieħla.